Għadu mhux ċar l-ammont eżatt ta’ vittmi li mietu fl-inċident illi seħħ fit-tramuntana tal-Greċja, u li fih kienu involuti żewġ ferroviji. Il-każ seħħ it-Tlieta filgħaxija, qrib il-belt ta’ Larissa.
Sa wara nofsinhar, kien qed jintqal illi kienu madwar 40 il-persuni konfermati li tilfu ħajjithom. Dan filwaqt li 70 indarbu.
Il-President tal-Greċja kellha twaqqaf ħesrem iż-żjara tagħha fil-Moldova biex tirritorna pajjiżha wara dik li hi stess sejħitilha traġedja li ħadd ma kien jimmaġinaha.
Il-Ministru tat-Trasport tal-Greċja minn naħa tiegħu qal li din kienet ġurnata sewda għal pajjiżu, filwaqt illi insista li l-ħidma ta’ tiftix u salvataġġ kienet waħda diffiċli ferm.
Skont rapporti li ħarġu kmieni dalgħodu, jidher li waħda mill-ferroviji li kienet qed iġġorr għexieren ta’ passiġġieri baqgħet dieħla fil-ferrovija l-oħra li kienet qed iġġorr vaguni bil-merkanzija.
Fil-post waslu mat-30 ambulanza kif ukoll vetturi tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, hekk kif bosta ddeskrivew dak li sabu quddiem wiċċhom bħala “xeni ta’ kaos totali”.
Il-ferrovija kienet fi triqitha lejn Thessaloniki, li hi belt popolari mal-istudenti. Fil-fatt, ħafna minn dawk li salvaw spjegaw li abbord il-ferrovija kien hemm ħafna żgħażagħ possibbilment fi triqithom lejn l-Università wara ċ-ċelebrazzjoni Griega li fakkret il-bidu tar-Randan; festa importanti ferm għall-Ortodossi.
Dan qed jitqies bħala l-aktar inċident tax-xorta tiegħu fil-Greċja li ħalla ammont kbir ta’ vittmi.
Intant, fl-aħħar sigħat kien konfermat li l-Pulizija arrestaw lill-persuna li kien responsabbli mill-istazzjoni tal-ferrovija f’Larissa, filwaqt li infetħet inkjesta.
//= $special ?>