Taljan ta’ 44 sena minn Favara, lokalità fi Sqallija u li f’Malta huwa residenti Marsaskala ġie kundannat sentejn ħabs u multa ta’ ta’ €3,175 mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li sabitu ħati fuq traffikar ta’ droga. Huwa nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu kważi 20 gramma cannabis f’ċirkostanzi li juri li ma kinitx għal użu personali tiegħu u li kellu wkoll ammont ta’ kokaina.
Aldo Pistella, nstab ħati li bejn l-2013 u l-2014 biegħ u ttraffika l-pjanta cannabis, li kien fil-pussess tal-pjanta f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, filwaqt li kien ukoll fil-pussess tad-droga kokaina. Il-Qorti kienet infurmata li nhar is-16 t’Ottubru, 2014, saret tfittxija fuq l-imputat wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni anonima li kien qed jittrafika d-droga mid-dar tiegħu.
Huwa twaqqaf waqt li kien se jirkeb il-karozza hekk kif ħareġ mid-dar tiegħu. Fis-sit ta’ wara tal-karozza li kienet mislufa lilu, instabet borża tal-karti li kien fiha suspettata raża tal-cannabis. Instab ukoll pakkett tas-sigaretti bil-cannabis fih. Fuqu nstabu €350 fi flus kontanti.
Fi tfittxija fir-residenza tiegħu nstabet aktar raża tal-cannabis f’kexxun fil-kċina u sikkina bi traċċi fuqha. Ammont ta’ cannabis ieħor instab f’kexxun ta’ gradenza fil-kamra tas-sodda. Instab ukoll pakkett żgħir b’sustanza bajda u €1,000 f’karti tal-€50.
Sadanittant fuq il-laptop tiegħu nstabu chats tal-Facebook relatati ma’ traffikar ta’ droga. Dawn iċ-chats kienu ma’ persuni li dwarhom kien hemm investigazzjonijiet għaddejja minn naħa tal-Pulizija. Mix-xhieda tal-espert Xjenzat Godwin Sammut irriżulta li kien hemm 19.93 grammi ta’ ħaxixa ta’ lewn aħdar. Skont ir-rapport tal-Malta National Drug Report, tal-2012, il-valur tal-cannabis għal kull gramma kien ta’ €25. Għaldaqstant huwa kellu valur ta’ €498.25.
Mill-estratti meħdua mis-sustanzi ta’ lewn kannella kien hemm 153.79 gramma. Skont l-istess rapport dan l-ammont kien iġib il-valur ta’ €3,690.96. Instab li kellu wkoll 0.31 gramma ta’ kokana. Dak iż-żmien, il-kokaina kellha valur ta’ €79 kull gramma u għalhekk kellu valur ta’ €24.49.
Mix-xhieda ħareġ ukoll li fit-18 t’Ottubru, 2014, meta daħal il-ħabs sar test fuq Pistella u rriżulta pożittiv għall-cannabis u l-kokaina. Il-Maġistrat Galea Sciberras qalet li l-fatt li kien jieħu d-droga, ma jiġġustifikax l-ammont li nstab li kellu fuqu.
Il-Qorti qalet li anke l-fatt li nstabet id-droga fil-karozza turi li din ma kinitx għalih personali għax ma tara l-ebda raġuni li kellu joqgħod jiġri b’dak l-ammont fuqu għajr li kienet għal xi ħadd. Qalet li miċ-‘chat’ li kellu jidher ukoll li kien qed jittraffika d-droga.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti qieset li dak iż-żmien kellu kondotta netta. Madankollu sabitu ħati għall-akkużi kollha miġjubin kontrih u kkundannatu sentejn ħabs u tatu multa ta’ €3,175. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas l-ispejjeż tal-Qorti li jammontaw għal €689.91. Il-Qorti ordnat id-distruzzjoni tad-droga u tal-oġġetti relatati mad-droga esebiti fl-atti u dan mhux aktar tard minn 15-il-jum mis-sentenza. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Malcolm Bondin.
//= $special ?>

