Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq ħasil ta’ flus li ddepożita fil-kont bankarju ta’ bintu

Raġel ta’ 60 sena residenti San Ġwann ġie ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati fuq ħasil ta flus. Carmelo Butler instab ħati li fil-25 ta’ Jannar 2002, u fix-xhur ta’ qabel, wettaq ħasil ta’ flus billi kkonverta propjetà li kien jaf li d-dħul tagħha kien ġej minn attività kriminali.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset il-kondotta tal-imputat, kif aġġornata sas-sena 2016, li hija waħda refrattarja u tinkludi piena ta’ 22 sena priġunerija effettiva mogħtija mill-Corte D’Assise ta’ Sirakuża, l-Italja talli għen fi dħul illegali ġewwa lItalja, oltre sejbien ta’ ħtija u kundanni dwar fost oħrajn, reati kontravvenzjonali, reati bi ksur tal-Kap. 65 u tal-Kap. 104 tal-Liġijiet ta’ Malta, li kkaġuna offiżi ta’ natura ħafifa, serq aggravat, riċettazzjoni, falsifikazzjoni ta’ dokumenti u frodi b’egħmil qarrieqi.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset ukoll in-natura serja tar-reat li tiegħu l-imputat qed jinstab ħati, iżda tqis in oltre mill-banda l-oħra illi r-reat li tiegħu qed jinstab ħati jmur lura għas-sena 2002 u x-xhur ta’ qabel, u illi d-dewmien fil-proċeduri kien dovut fil-maġġor parti tiegħu għall-fatt illi l-istess imputat kien qed jiskonta piena karċerarja ġewwa l-Italja, liema fatt wassal sabiex is-smigħ f’dawn il-proċedura jibda fis-sena 2014.

Il-Qorti qieset ukoll illi kien hemm ħafna dewmien ieħor f’dawn il-proċeduri, li fil-fehma tagħha, ma kienx dovut għal xi raġunijiet attribbwibbli lillistess imputat. Il-kawża kienet appuntata għall-ewwel darba għas-smigħ għall-14 ta’ Diċembru 2004 iżda Butler kien qed jiffaċċja proċeduri kriminali fl-Italja.

Il-kawża kienet differita sakemm Butler jidher quddiem il-Qorti bl-Ispettur Paul Vassallo, li mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-Asssitent Kummissarju Ian Abdilla, informa lill-Qorti li Butler kien qed jiskonta piena ta’ ħabs l-Italja. Butler deher għall-ewwel darba fil-Qorti fis-7 ta’ Mejju 2014 u għall-ewwel wieġeb mhux ħati imma wara numru ta’ seduti ammetta bil-Prosekuzzjoni u d-difiża qablu li għandu jiġi kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Mill-provi rriżulta li kontijiet ta’ bintu Stephanie intużaw minn martu Carmen, li kellha prokura bankarja, sabiex flus ta’ żewġha jiġu depożitati fihom. L-omm u l-bint ukoll tressqu fil-Qorti fejn il-bint ma nstabitx ħatja u kienet illiberata waqt li l-omm instabet ħatja u kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Dwar il-piena fil-konfront ta’ Carmelo Butler, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li din tinkludi diversi reati fosthom 26 sena ħabs fl-Italja fuq traffikar ta’ persuni, ġrieħi ħfief fuq persuni, serq, pussess ta’ affarijiet misruqa, falsifikazzjoni ta’ dokumenti u frodi.

Il-Maġistrat Galea Sciberras qalet li ma kinitx se tordna l-konfiska ta’ dak li rriżulta li nkiseb b’mod illegali għax dan kien diġà ġie kkonfiskat fis-sentenza li ngħatat fil-konfront ta’ Carmen Butler. Il-Qorti wissiet lill-ħati bi kliem ċar u sempliċi bil-konsegwenzi skont il-liġi kemm il-darba huwa jwettaq reat ieħor punibbli bi priġunerija fil-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża.