F’laqgħa ta’ ‘il fuq minn 80 minuta mal-Prim Ministru Robert Abela omm Jean Paul Sofia sostniet li ma kinitx impressjonata b’dak li qalilha filwaqt li qalilha li rigward l-inkjesta pubblika jdejh huma marbuta.
Isabelle Bonnici qalet li Robert Abela jinsab sod fuq il-fatt li ma jridx isejjaħ inkjesta pubblika għaliex jekk jagħmel hekk se tinqaleb f’ballun politiku. Hawnhekk, Isabelle saħqet li din mhijiex raġuni valida għalfejn ma jsejjaħx inkjesta pubblika. Hija għamlet l-appell tagħha li trid tkun taf il-verità kollha dwar il-mewt ta’ binha għaliex ma jistax ikun li binha miet għalxejn.
Bonnici qalet li huwa evidenti ħafna li hemm xi ħaġa li qed iżżomm lura milli Abela jsejjaħ inkjesta pubblika. Iżda Robert Abela għandu jerfa’ r-responsabbiltà sabiex ma jkollniex traġedja oħra bħal din f’pajjiżna.
Omm Jean Paul Sofia qalet li pruvat tagħmel kuntatt ma’ diversi ministri fosthom Miriam Dalli, Byron Camilleri kif ukoll Chris Fearne iżda baqgħet mingħajr risposta hekk kif injoraw il-messaġġi tagħha.
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li se jkun qed jippreżenta mozzjoni fil-Parlament sabiex tinħatar inkjesta pubblika ħalli toħroġ il-verità kollha dwar din it-traġedja li xxukkjat pajjiż.
Din it-traġedja kienet seħħet fil-bidu ta’ Diċembru li għadda meta binja f’Kordin li kienet għadha fi stat ta’ kostruzzjoni kkrollat … b’sitt ħaddiema jispiċċaw taħt il-ġebel u t-terrapien. Dakinhar kienu ħarġu wkoll filmati xokkanti li urew il-mument eżatt li fih krollat il-binja; bil-każ għadu sallum mifni b’diversi mistoqsijiet li baqgħu mhux imwiegba.