Atletika Sport

Carla Scicluna u Beppe Grillo f’Istanbul għall-Kampjonati Ewropej Indoor

Carla Scicluna u Beppe Grillo, l-aqwa sprinters Maltin fil-mument, jinsabu f’Istanbul fejn se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Atletika Indoor.

Dan huwa avveniment ferm prestiġjuż fejn jikkompetu l-aqwa atleti Ewropej u bi tħejjija għall-Olimpjadi ta’ Pariġi 2024. Għal dawn iż-żewġ żgħażagħ Maltin, li se jtellqu fuq distanza ta’ 60m, din se tkun esperjenza importanti ħafna fejn se jkunu qed jikkompetu mal-aqwa atleti Ewropej fosthom ġganti bħat-Taljan Marcel Jacobs u l-Pollakka Ewa Swoboda. Jacobs bħalissa għandu f’idejh it-titli Ewropej u Dinji indoor (60m) kif ukoll it-titlu Olimpiku fil-100m. Aktar minn 600 atleta minn 51 pajjiż Ewropej se jkunu jikkompetu fil-kumpless Atakoy Arena bejn llum u l-5 ta’ Marzu.

Iż-żewġ atleti Maltin kwalifikaw wara li rebħu l-Kampjonat Malti tax-Xitwa fi Frar li għadda. Grillo rebaħ is-60m b’6.89s filwaqt li Scicluna waqqfet l-arloġġ f’7.58s. Minkejja l-età żagħżugħa tagħhom, kemm Grillo kif ukoll Scicluna diġà għandhom esperjenza internazzjonali. Grillo ħa sehem fil-Kampjonati Dinjija tal-Under 20 filwaqt li Scicluna ġriet mal-aqwa tad-dinja fl-Olimpjadi ta’ Tokyo u fil-Kampjonati Dinjija Indoor fis-Serbja s-sena li għaddiet.

Carla ttellaq għada fl-10.05am filwaqt li Beppe jiġri s-Sibt fis-7.20am ħin Malti. Dawn l-avvenimenti jixxandru fuq https://allathletics.tv/championships/ea-indoor-istanbul-2023