It-taħditiet li qed isiru fl-Indja bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-akbar pajjiżi industrijalizzati msieħba fil-G20 huma karatterizzati mit-tensjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna…U f’dan il-proċess mhumiex jonqsu l-akkużi reċiproċi min-naħa tar-Russja u l-Istati Uniti.
Dan minkejja li l-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi – li pajjiżu qed jospita t-taħditiet – ħeġġeġ biex il-Ministri taż-żewġ potenzi preżenti f’Delhi iwarrbu d-diżgwid u jsibu s-soluzzjonijiet aċċettabbli għal kulħadd fi żmenijiet ferm problematiċi għad-dinja.
Il-G20 – magħmul mid-dsatax l-aktar pajjiżi sinjuri fid-dinja u l-Unjoni Ewropea – jagħmel tajjeb għal xi 85 fil-mija tal-prodott ekonomiku globali minbarra li jirrappreżenta maż-żewġ-terzi tal-popolazzjonijiet tad-dinja.
Min-naħa tiegħu, Narendra Modi tkellem għan-nom tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn sostna li r-rappreżentanti tal-pajjiżi f’Delhi għandhom responsabbiltà biex itejjbu s-sitwazzjoni tal-Istati l-aktar foqra waqt li jilqgħu aħjar għall-isfidi globali. Dan meta l-iskeda tat-taħditiet qed tinkludi sessjonijiet dwar is-sigurtà tal-ikel; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; il-politika kontra t-terroriżmu u t-titjib fl-isforzi tal-għajnuna minn aspett umanitarju.
Iżda waqt li Modi ma rreferiex direttament għall-gwerra fl-Ukrajna, dan il-konflitt u r-riperkussjonijiet tiegħu xorta huma aspett dominanti tal-laqgħat. Dan waqt li l-Indja qed tibbilanċja politika ta’ ‘non-alineament’ f’din il-gwerra mat-talbiet tagħha biex il-pajjiżi l-oħra jsibu l-mezzi biex jaħdmu aħjar ma’ xulxin.
Il-laqgħat tal-G20, b’hekk, qed jirriflettu anki ż-żmenijiet ta’ firda u differenzi kbar bejn pajjiżi ewlenin – bl-Indja għadha żżomm lura milli tikkritika direttament lir-Russja, li hi l-akbar sors tal-armamenti għall-Gvern ta’ Modi.
L-Indja s’issa anki astjeniet milli tivvota fuq ir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti biex jikkundannaw il-gwerra fl-Ukrajna waqt li defendiet id-deċiżjoni biex iżżid l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja — fost l-istqarrijiet li l-Gvern f’Delhi jeħtieġ tieħu ħsieb il-ħteġiet tal-poplu ekwivalenti għal aktar minn biljun ruħ.
Madankollu, l-Indja qed tipprova turi li temmen bis-sħiħ fl-importanza taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti, flimkien mar-rispett għal-liġi internazzjonali u s-sovranità u integrità territorjali ta’ kull pajjiż…Sentimenti li dejjem kienu inklużi fl-istqarrijiet tal-Indja dwar l-Ukrajna.
//= $special ?>