Internazzjonali

Il-Greċja: Il-poplu jkompli jesprimi rabja dwar it-traġedja bil-ferrovija

Il-ħaddiema mas-servizzi tal-ferrovija ngħaqdu fi strajk ta’ jum fost l-għadab u niket dovuti għall-inċident traġiku bil-ferrovija li seħħ fil-bidu tal-ġimgħa f’Tempi, fil-limiti ta’ Larissa…Inċident li sewa l-ħajja ta’ millanqas 43 persuna – b’oħrajn jisfaw midruba — u li qanqal rabja enormi fost il-familji u l-kollegi tal-vittmi li qed tkun espressa wkoll fost iċ-ċittadini l-oħra tal-Greċja.

L-azzjoni industrijali segwiet protesti tal-massa fl-ibliet ta’ Ateni, Thessaloniki u Larissa u meta l-iskwadri għall-emerġenzi għadhom qed ifittxu għall-vittmi qalb il-vaguni maħruqin u meqruda tal-ferrovija. Intant, l-azzjoni qed tħalli impatt sinifikanti għas-servizzi bil-ferrovija fuq bażi nazzjonali kif ukoll għas-subway ta’ Ateni.

L-inċdent seħħ ftit qabel nofs-il lejl tat-Tlieta meta ferrovija tal-passiġġieri mgħobbija b’aktar minn 350 persuna ħabtet ma’ ferrovija oħra għall-ġarr tal-merkanzija, bir-riżultat li dawn spiċċaw fuq l-istess binarju – u bil-vaguni tal-passiġġieri jieħdu n-nar minnufih. Ħafna mill-passiġġieri kienu studenti li kienu qed jirritornaw lejn Thessaloniki wara ‘long weekend’ li fih huma ċelebraw ir-Randan tal-Griegi Ortodossi.

Intant, ħafna nies u osservaturi fil-Greċja qed iqisu l-qerda tal-ferrovija bħala ‘xi ħaġa li kienu ilhom jistennew’, bil-union tal-ħaddiema mal-ferroviji jakkuża lill-Gvernijiet rispettivi tal-pajjiż dwar ‘disrispett’ lejn in-networks tal-ferrovija lokali u li ‘sa fl-aħħar kellu jirriżulta fi traġedja hekk kbira’.

Fl-aħħar sigħat, Kostas Karamanlis irriżenja minn Ministru tat-Trasport waqt li sostna li qed jassumi responsabbiltà ‘għall-fallimenti fit-tul tal-awtoritajiet’ li, skont hu, naqsu milli jirranġaw il-problemi assoċjati mas-sistema tal-ferroviji ‘li mhix waħda aċċettabbli għal dawn iż-żmenijiet’.

Il-Gvern Grieg qed iwiegħed investigazzjoni indipedenti dwar l-inċident u li għandha ssir il-ġustizzja…Madankollu, il-poplu jinsab irrabjat fuq kollox għas-suġġeriment tal-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis, li ‘l-inċident irriżulta minn żball uman traġiku’ – bi gruppi ta’ nies, f’Ateni, jiġġieldu mal-pulizija barra l-kwartieri-ġenerali tal-kumpannija Hellenic Train li hi responsabbli mill-amministrazzjoni tas-servizzi tal-ferrovija fil-Greċja.

Il-pulizija f’Ateni kellhom jużaw il-gass tad-dmugħ biex iferrxu lid-dimostranti li waddbu l-ġebel lejn il-kwartieri u lejn l-uffiċjali tal-liġi huma u jqabbdu n-nirien fit-toroq.

U filwaqt li qed isiru anki l-vejl ta’ silenzju bħala qima lill-vittmi, il-poplu Grieg qiegħed jaqbel li n-network tal-ferrovija kien ilu jiżvela l-problemi għal dawn l-aħħar 30 sena, u li għal dan jaħtu ‘l-awtoritajiet ikkonċernati’.