“Vitals u Steward Healthcare ħatfu flus il-poplu b’qerq, mhux minn ħalq is-sinjur, iżda minn ħalq il-marid u l-batut tant fil-bżonn. Min wassal biex il-poplu jiġi ffrodat, weġġa’ lill-pazjenti u lill-aktar nies vulnerabbli. Fejn hemm il-qerq u l-frodi, flus il-poplu għandhom jiġu rkuprati”
Saħaq dan il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, waqt laqgħa li kellu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, li fiha saħaq kif il-kawża tal-Vitals kienet kruċjali għall-qasam tas-saħħa.
Martin Balzan fakkar kif il-MAM dejjem iġġieled dan il-kuntratt frawdolenti għaliex il-mudell li fuqha kienet imsejjsa l-konċessjoni tal-Gvern Laburista qatt ma kkonvinċiehom.
Għaliex qalbhom mal-pazjent, huwa fakkar kif bi sforz kbir it-tobba taw sehemhom biex il-pazjenti jingħataw l-aqwa servizz, speċjalment fl-unika sptar tal-Għawdxin, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dan għaliex it-tobba sejjħu 2 azzjonijiet industrijali f’dawn l-aħħar 8 snin sabiex ma jwiġbux lil Vitals u Steward, iżda lill-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-500 miljun ewro mormija f’ħadma bħal din setgħu intużaw biex ġew investiti fi swali ta’ operazzjonijiet li huma tant mixtieqa biex it-tobba joperaw, fid-dawl tal-istennija dejjem titwal għall-operazzjonijiet, tant li hemm swali f’Mater Dei li mhumiex ta’ stoffa, fosthom l-użu tal-librerija u l-canteen.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, wera l-apprezzament tiegħu għall-mod kif il-MAM kienet konsistenti u opponiet mill-bidu nett dan il-kuntratt frawdolenti għax fehmet li l-affarijiet kellhom isiru aħjar.
Wara li żied il-popolazzjoni b’100 elf ruħ, il-Gvern għabba dan il-piż fuq il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa għaliex ma sarx l-investiment meħtieġ biex jilqa’ għal dan l-influss, bil-poplu Malti għadu jixxennaq għal sptar speċjalizzat għas-sena mentali u Outpatients ġdida għaliex il-flus intefqu fil-frodi ta’ Vitals u Steward.
Kien hawn li Bernard Grech fakkar kif bis-saħħa tal-kawża li rebaħ Adrian Delia, il-PN qed jaċċerta li mhux biss il-kura tas-saħħa f’pajjiżna taqdi lill-poplu iżda anki l-ħaddiema f’dan il-qasam ikollhom kundizzjonijiet tajbin b’sistema trasparenti u kredibbli mmexxija mill-professjonisti Maltin.
Bernard Grech temm jappella lill-MAM tkompli tkun voċifera fuq din il-materja għaliex mal-PN jaqsmu l-istess interessi, dik li jkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
Għal-laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm preżenti d-deputati Nazzjonalisti, Stephen Spiteri u Ian Vassallo Hagi, filwaqt li ma’ Martin Balzan, attenda s-Segretarju Ġenerali, John Paul Tabone.
//= $special ?>