“Qegħdin hawnhekk sabiex inżidu l-pressjoni…qegħdin hawnhekk għaliex il-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh sabiex toħroġ il-verità kollha dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia.”
Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti Jerome Caruana Cilia u Stanley Zammit indirizza konferenza f’Kordin; fil-post fejn 3 xhur ilu tilef ħajtu traġikament Jean Paul Sofia.
Bernard Grech qal li din il-ġimgħa ltaqa’ mal-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia fejn dawn insistew illi minkejja d-divesi talbiet li għamlu mal-awtoritajiet huma qed iħossu li mhux qed isir biżejjed. U għalhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li se jressaq mozzjoni fil-Parlament sabiex issir inkjesta pubblika ħalli toħroġ il-verita. Huwa insista li pajjiżna ma jistax ikollu traġedja oħra bħal din.
Minn naħa tiegħu, d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia fakkar kif minkejja l-appelli li saru l-Gvern baqa stinat li ma jridx inkjesta pubblika. Huwa sostna li wara li għaddew 3 xhur min din it-traġedja l-Gvern għadu ma ħa l-ebda azzjoni.
Minn naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jonqos mir-responsabbilitajiet tiegħu filwaqt li l-qraba tal-vittmi f’siti ta’ kostruzzjoni qed jitħallew fil-għama.
Din it-traġedja kienet seħħet fil-bidu ta’ Diċembru li għadda meta binja f’Kordin li kienet għadha fi stat ta’ kostruzzjoni kkrollat … b’sitt ħaddiema jispiċċaw taħt il-ġebel u t-terrapien.
Dakinhar kienu ħarġu wkoll filmati xokkanti li urew il-mument eżatt li fih krollat il-binja; bil-każ għadu sallum mifni b’diversi mistoqsijiet li baqgħu mhux imwieġba.
//= $special ?>