Ambjent Lokali

“Irtiraw il-permess li qered il-wied protett tal-Bidnija” – Il-Moviment Graffiti

Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis, il-Moviment Graffitti nnota l-offensiva ta’ relazzjonijiet pubbliċi li għamel l-applikant tal-bini enormi, suppost razzett tan-nagħaġ, f’Wied il-Bidnija. L-aġenzija tal-midja li qed taġixxi f’isem Jason Vella qalet li huwa ġie mifhum ħażin u li qatt ma kien hemm l-intenzjoni li l-bini jinbidel f’lukanda.

Il-Moviment Graffitti jsostni t-talba tiegħu biex jiġi rtirat il-permess li rriżulta f’feriti permanenti għall-wied li qabel kien verġni. Il-Moviment huwa ċert 100% li l-permess qatt ma kellu jingħata, u jikser diversi politiki li lanqas biss issemmew fil-proċess tal-applikazzjoni tal-ippjanar. L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ukoll oġġezzjonat u ġiet injorata. Wara li ngħata l-permess kien hemm diversi emendi żgħar frammentati li għamlu l-post dejjem aktar qisu lukanda.

L-istqarrija kompliet tinnota kif kien hemm l-applikazzjoni minn kumpanija biex tuża l-post b’mod effettiv għal skopijiet ta’ ospitalità. Din l-applikazzjoni oriġinarjament ġiet ippreżentata minn kumpanija li qabel ma kinitx magħrufa – Bidnija Farming Enterprise Ltd. – konnessa ma’ ċertu Dr Peter Bernard Carbonaro, persuna li isimha jidher bħala direttur għal tliet kumpaniji oħra rreġistrati f’Malta, kollha marbuta ma’ kumpaniji ta’ trustee holding reġistrati f’Ċipru.

L-azzjonist tal-kumpanija u l-perit tal-applikazzjoni huwa s-Sur Konrad Bezzina. Is-Sur Bezzina huwa involut f’diversi kumpaniji oħra mhux relatati mal-agrikoltura u serva wkoll bħala eks membru tal-bord tar-regolamenti tal-bini tal-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Il-Moviment Graffiti fl-istqarrija tiegħu temm jgħid kif issa applikant ieħor reġa’ tfaċċa u qed jgħid li l-post dejjem kien maħsub għan-nagħaġ. Għal din, Graffiti mhix se taqa’ għaliha u se jibqgħu jinsistu dwar it-talba tagħna għar-revoka ta’ bini li qatt ma kellu jinbena hemmhekk.