Internazzjonali

It-Tuneżija: Pajjiżi Afrikani jieħdu lura lil nieshom fost sitwazzjoni ta’ ‘razziżmu’

Żewġ pajjiżi fil-Punent tal-Afrika – f’dan il-każ il-Guinea u l-Kosta tal-Ivorju – bħalissa qegħdin jirripatrijaw liċ-ċittadini tagħhom mit-Tuneżija, wara r-rimarki tal-President Tuneżin Kais Saied meqjusa bħala ‘razzisti u perikolużi’.

Saied – li qed jiċħad kategorikament li huwa razzist – kien fissser l-immigrazzjoni lejn pajjiżu bħala ‘kumplott’ intiż biex jibdel il-profil demografiku tat-Tuneżija, filwaqt li rrefera anki għal ‘tradituri li qegħdin jaħdmu għal ċerti pajjiżi’.

Fl-aħħar jiem, fit-Tuneżija, inżammu l-għexieren tal-immigranti mill-pajjiżi Afrikani ta’ taħt is-Sahara Fl-istess ħin, kelliema għall-Gvernijiet tal-Guinea u l-Kosta tal-Ivorju qalu li qed jibgħatu l-ajruplani chartered biex iġibu liċ-ċittadini tagħhom lura mit-Tuneżija.

Il-Gvern tal-Kosta tal-Ivorju qal li l-aktar ħaġa importanti kienet li jsalva l-ħajja tan-nies tiegħu u meta numru ta’ attivisti akkużaw lill-President Saied dwar ‘l-inċitament tal-mibgħeda u diskriminazzjoni kontra immigranti Afrikani fuq bażi razzista’.

Fil-fatt, wara l-kummenti ta’ Saied, ħafna immigranti residenti fit-Tuneżija spiċċaw jitilfu xogħolhom u l-mezzi għall-akkommodazzjoni kważi millum għall-għada. Dan waqt li  numru ġmielu ta’ immigranti Afrikani spiċċaw aggrediti fiżikament — bl-attivisti favur ir-rispett tad-drittijiet umani jikkundannaw lil Saied dwar diskors li ‘fetaħ il-bieb beraħ għall-espressjoni ta’ sentimenti razzisti fit-Tuneżija’.