L-Avukat Ġenerali tibqa’ tippersisti li ma tipproċedix kontra żewġ uffiċjali ta’ Pilatus Bank imma mill-banda l-oħra baqgħet għaddejja tipproċedi fuq omiċidju li seħħ fl-1998 fil-konfront ta’ persuna bi problemi ta’ saħħa mentali fejn qed jinkirsu d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq f’każ li ilu jkarkar 17-il sena.
Fi protest li ġie preżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili Carmel Camilleri, martu u uliedu qegħdin jikkontendu li meta tressaq f’April tal-2006 fuq l-omiċidju tal-baruni Frank Sant Cassia fejn wieġeb li ma kienx ħati u għamel ftit inqas minn sentejn taħt arrest preventiv u għal 17-il sena sħaħ baqgħu fis-seħħ il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti.
Carmel Camilleri qed jgħid dan ghax jaf, għax huwa fatt fid-dominju pubbliku, kif l-Avukat Ġenerali użat riga kompletament differenti fl-2022 fil-każ tad-Direttur tal-Bank Pilatus, Mehmet Tasli u l-ufficjal ieħor Antoniella Gauci. Dawn iż-żewġ uffiċjali għolja ta’ dan il-Bank kienu s-suġġett ta’ rakkomondazzjoni espressa tal-Maġistrat Inkwirenti fl-2022 biex l-Avukat Ġenerali tressaqhom ‘l Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus, fost akkużi ohra.
L-Avukat Ġenerali f’inqas minn sitt xhur minn meta irċeviet l-atti mill-Maġistrat Inkwirenti, u wara Inkjesta Maġisterjali, applikat l-artiklu 569(6) tal-Kodiċi Kriminali u ħarġet nolle prosequi (li ma tixtieqx tipproċedi) fil-konfront ta’ Mehmet Tasli u Antoniella Gauci fis-sajf tal-2022.
Għalhekk Carmel Camilleri u familtu ma jistgħux jifhmu kif l-istess Avukat Ġenerali li ma ddejqitx tohrog nolle prosequi kontra dawn iż-żewġ persuni, u qiegħda tirrifjuta li tohrog nolle prosequi fejn verament jistħoqq li dan isir u cjoe fil-każ tiegħu.
Dan iwassal lill-akkużat u l-familja tiegħu għall-konklużjoni li Avukat Generali qed taġixxi b’mod abbusiv u irresponsabbli u diskriminatorju a spejjeż ta’ Carmel Camilleri li spiċċa vittma bla ħtija u bid-drittijiet tiegħu taħt l-artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem miksura u qed ikomplu jinkisru kiif abbinati mal-artiklu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-ksur tal-artiklu 1 tal-Protokoll Numru 12 tal-istess Konvenzjoni.
Fil-protest tiegħu li ppreżenta fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Avukat Ġenerali, l-Avukat ta’ l-Istat u d-Direttur tal-Qrati u Tribunali Kriminali, Camilleri qed jgħid li tressaq ‘l Qorti taħt arrest fit-8 ta’ April tas-sena 2006 akkużat talli fis-27 ta’ Ottubru tas-sena 1998 dolożament bil-ħsieb li joqtol jew li qieghed l-ħajja tal-Baruni Frank Sant Cassia f’periklu ċar, spara tir ta’ arma tan-nar fid-direzzjoni tiegħu u kkaġunalu l-mewt;
Qal li qabel ma tressaq ‘l Qorti taħt arrest, ġie arrestat u interrogat mill-Pulizija Eżekuttiva, mill-Ispettur Chris Pullicino, fil-5 ta’ Ottubru 2004 u fis-6 u fis-7 ta’ April 2006. Meta tressaq ‘l Qorti akkuzat b’dan id-delitt, Carmel Camilleri wiegeb li ma kienx hati.
Carmel Camilleri għamel ftit inqas minn sentejn taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sakemm eventwalment ingħata l-benefiċċju ta’ ħelsien mil-arrest; Fis-7 ta’ Novembru tas-sena 2008, l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-Att ta’ Akkuza kontra Carmel Camilleri. Il-protest ikompli jgħid li ghal 17-il sena sħaħ Carmel Camilleri kien marbut bil-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, fejn għalkemm varjati mill-ewwel darba li ġew imposti fuqu 17-il sena ilu, xorta waħda sas-sena 2023 għadu jiffirma l-Għassa tal-Pulizija u jirrinkaża f’ħin impost lilu mill-Qorti.
Jingħad ukoll fl-protest li sal-ġurnata tal-lum, l-ġuri tiegħu għadu ma sarx u dan għal raġunijiet li żgur ma humiex attribwibbli għalih u għal familtu. Tajjeb jingħad li hu dejjem attenda għal kull seduta li għaliha kien imsejjaħ, anke meta saħħtu bdiet tmur lura, kemm fiżikament u mentalment.
Camilleri qed jgħid ukoll li ma kien hemm ebda raġuni attribwibbli lill-Imħallef li kien qed jippresedi l-Qorti Kriminali minn meta inħareġ l-Att ta’ Akkuza kontrih, u lanqas għall-Imħallef li issa qed tippresjedi l-Att ta’ Akkuza, għal tali dewmien.
Ksur tad-drittijiet tal-akkużat
Huma l-Avukat Ġenerali u l-Avukat ta’ l-Istat biss li huma l-kaġun uniku għal dan id-dewmien mhux raġjonevoli li sofra Carmel Camilleri, liema dewmien u akkużi bla bazi wasslu biex inkisru d-drittijiet fondamentali tiegħu u ta’ familtu kollha kif protetti taħt il-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Minbarra dan, tort u frott l-aġir irresponsabbli u abbusiv matul it-trapass ta’ dawn is-snin kollha minn meta Carmel Camilleri ġie arrestat u tressaq ‘l Qorti, saħħtu marret lura ħafna, speċjalment s-saħħa mentali tiegħu, tant li fl-aħħar xhur bir-riżultat li ma jistax jikkomunika mal-għeżież tieghu, li hija familtu, u m’għadux jista’ jgawdi l-familja u vice versa.
Fil-protest ġie emfasizzat li martu u uliedu, sakemm huwa tressaq intortament fuq dan l-omiċidju, kellhom rapport familjari sabiħ u ta’ għaqda. Ħaga li m’għadhiex aktar possibbli minħabba li tant kemm sahhet Carmel Camilleri marret lura fl-aħħar xhur u ġimghat li bejnithom bilkemm jistgħu jagħmlu konversazzjoni sempliċ.
Dan kollu jfisser li kemm Carmel Camilleri u l-membri tal-familja immedjata tiegħu l-oħra inkisrilhom u qed ikompli jinkisrilhom id-dritt fondamentali li ma jkunux assoġġettati għal trattament inuman u degradanti (protett fl-artiklu 36(1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll l-artiklu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Saħħtu marret lura
Tant kemm marret lura saħħtu mentalment, li issa spiċċa rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli fuq ordni tal-Qorti Kriminali tas-27 ta’ Jannar 2023, proprju ġimgħatejn qabel ma kien skedat li jibda l-ġuri tiegħu. Dan peress li tant kemm kienet iddeterjorat saħħtu li l-avukati tiegħu kienu kostretti jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Kriminali fil-bidu ta’ Jannar 2023, ftit ġimgħat qabel il-bidu tal-ġuri għax ma kienux aktar f’pożizzjoni li jikkomunikaw mal-akkużat u klijent tagħhom.
La setgħu jagħtuh pariri legali u lanqas hu ma seta’ jikkomunika magħhom. Dan fl-istess waqt li l-AĠ u l-Avukat ta’ l-Istat qed jippretendu li l-akkużat jidher quddiem ġurija sabiex iwieġeb għall-akkużi li huma ressqu kontrih. Tassew li għal magħmul m’hemmx kunsill jgħid il-protest. Il-passat huwa passat u ħadd u xejn ma jista’ jreġġa’ lura 17-il sena misruqa minn ħajjet bniedem innoċenti u l-membri tal-familja tiegħu.
Sbatax-il sena li matulhom Carmel Camilleri u familtu kellhom jiffaċjaw l-umiljazzjoni ta’ akkuża ta’ omiċidju volontarju, arrest u ż-żamma taħt arrest ta’ Carmel Camilleri għal sena u tmien xhur, iktar minn 17-il sena jissottometti ruħu għad-deprivazzjoni jew tnaqqis tal-liberta tiegħu minħabba l-kondizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, inkluz iffirmar u rinkażar.
17-il sena ibatu l-konsegwenzi tad-depożitu tat-tfaddil kollu tagħhom biex Carmel Camilleri seta’ joħroġ bil-bail. Sbatax-il sena tiela u nieżel il-Qorti, kemm quddiem il-Qorti Kriminali u quddiem il-Qrati ta’ ġurisdizzjoni Kostituzzjonali.
Sbatax-il sena li matulhom Camilleri, li ġie ikkonstat li diġa kellu l-intelligenza ta’ tifel ta’ tmien snin, kompla jsofri danni ikbar u irreparabbli fis-saħħa mentali tiegħu biex issa spiċċa bilkemm jista’ jagħmel konversazzjoni ta’ ftit minuti ma’ martu u uliedu.
Sbatax-il sena li matulhom li tħallew iseħħu dawn il-fatti, minkejja li jafu li fi ma kellhomx prova waħda li hi wahda produċibbli skond il-liġi li b’xi mod remot torbot lil Carmel Camilleri ma’ delitt hekk orribbli. U xorta waħda l-Avukat Generali tirrifjuta li teżercita l-poter u diskrezzjoni li hija għandha taht l-art.569 (6) tal-Kodici Kriminali.
Għaldaqstant Carml Camilleri u familtu qed iżommu responsabbli għad-danni kollha li huma soffrew, qed isofru u għad jistgħu jsofru fil-futur minħabba l-aġir illegali u abbużiv tal-AĠ u tal-Avukat ta’ l-Istat jirriżervaw li jieħdu l-passi kontrihom skont il-liġi. Il-protest kien iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.
//= $special ?>