Internazzjonali

L-Iran: Jista’ ikun eqreb ta’ konflitt militari ma’ Iżrael

L-esperti li qed isegwu s-sitwazzjoni ta’ Iżrael u l-Iran qablu li l-eskalazzjoni tat-tensjoni bejn l-iStati-għedewwa qed twassalhom lejn ix-xifer tal-gwerra.

U filwaqt li xi esperti ma jaqblux dwar il-‘probabbiltà’ ta’ konflitt militari, huma ma jeskludux li ċ-ċirkustanzi tallum huma mimlijin ‘possibbiltajiet’ li kapaċi jiftħu ‘fażi ġdida u inevitabbli’ tal-ostilità li ilha tbaqbaq għal snin bejn iż-żewġ pajjiżi.

L-analiżi ssostni li l-Iran jista’ dalwaqt ikun f’pożizzjoni li jipproduċi arma nukleari – u wara li l-Pentagon fl-Istati Uniti żvela li r-reġim Iżlamiku f’Tehran għamel ‘progress kbir’ lejn dan it-tragward. Dan fost tbassir li l-Iran kapaċi jkun ‘jiem biss ‘il bogħod’ milli jirraffina biżżejjed uranju għal warhead nukleari.

Fl-istess ħin, xi rapporti jgħidu li Iżrael qed iħejji intervent militari biex iwaqqaf il-proġett nukleari tal-Iran meta hu, flimkien mal-pajjiżi tal-Punent, jemmnu li l-bomba nukleari f’idejn l-Iranjani għandha tinvolvi żvilupp diżastruż għad-dinja li  akkost ta’ kollox ma għandux jitħalla jkun realizzat.