Futbol Sport

Mhux milqugħ il-protest imressaq minn Mosta

Il-Bord tal-Protesti tal-Malta Football Association ma laqax il-protest ta’ Mosta FC, biex b’hekk id-draw ta’ 0-0 kontra Valletta Football Club jibqa’ jgħodd.

Mosta FC kienu qed jargumentaw li Niltinho ma kellux jilgħab f’din il-logħba, għaliex qalu li Valletta Football Club hu t-tielet klabb li lagħab miegħu matul dan l-istaġun.

Replay (Net Television) jinsab infurmat li minkejja li hu minnu li Niltinho lagħab ma’ tliet klabbs fi ftit xhur, għax lagħab fil-Brażil, fil-Greċja u f’Malta sa minn Awwissu, jeżistu regoli differenti f’każ li kampjonati bħal dak fil-Brażil jibdew u jispiċċaw f’perjodi differenti minn dawk Ewropej.

Dan ifisser li Valletta Football Club iżommu l-punt li kisbu fid-19 ta’ Frar, waqt li Niltinho jista’ jkompli jilgħab mal-klabb għall-kumplament tal-istaġun.