Lokali

Casa ċanfar lill-Gvern Malti talli qed jimmina lill-ġurnalisti

L-MEP David Casa ċanfar lill-Gvern Laburista talli qiegħed ikompli jimmina l-ġurnaliżmu, permezz ta’ kawżi fil-Qorti. F’ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni, Věra Jourová, Casa appella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex iżomm għajnejja fuq ir-riskji li qed tiffaċċja  l-istampa ħielsa.

“Il-kawżi frivoli fil-Qorti li ġew ippreżentati sabiex jinħolqu ostakli ikbar għall-The Shift News biex tirrapporta l-informazzjoni fl-interess tal-pubbliku, ma huma xejn ħlief tentattiv sabiex jfixklu u jagħlqu ħalq l-istampa ħielsa, billi jkisru finanzjarjament lill-midja”, stqarr Casa.

The Shift News riċentament rebħet diversi każi fil-Qorti, madankollu xorta għada qed tissieled biex tiġġieled il-kumplament tal-40 proċedura legali oħra fil-Qorti.

L-Ittra mingħand David Casa intbagħtet wara li ħarġu kundanni mingħand diversi gruppi internazzjonali, inkluż reżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew sabiex l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela twaqqa’ l-każi mill-Qorti. 

“Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Ottubru 2022 ikkundannat l-azzjonijiet kontra The Shift News, iżda madankollu l-awtoritajiet tal-gvern komplew bil-każijiet abbużivi tagħhom fil-Qorti li ma huma xejn ħlief forma oħra ta’ SLAPP.”

Casa ma’ jistax jemmen dikjarazzjonijiet mill-Gvern Laburista li qed jipprova juri l-apprezzament tiegħu l-lejn il-liberta’ tal-midja f’Malta, u fl-istess ħin kontinwament jinjora s-sejħa sabiex jwaqqa’ il-kawżi kontra l-midja li qiegħda tipprova tinforma l-poplu. 

Casa faħħar l-isforzi ta’ Shift News li qiegħda kontinwament tipprova iżżomm il-poplu infurmat. Casa kompla biex jgħid li l-kmamar tal-aħbarijiet m’għandhomx jitħallew waħedhom,  meta jisfaw vittmi ta’ attakki mill-Gvern Malti. Il-Parlament Ewropew se jibqa’ jgħin lil The Shift News,” temm jgħid Casa, li jmexxi wkoll il-Grupp ta’Ħidma dwar il-Midja fi ħdan il-Parlament Ewropew.