Lokali

Issir diskussjoni dwar l-impatt li qed tħalli l-gwerra fl-Ukrajna

“Il-Maltin dejjem urew solidarjetà ma’ dawk li jkunu għaddejjin mit-tbatija u għalhekk nemmen li l-Ukrajna se tibqa’ ssib lill-Maltin warajha biex tgħeleb din il-gwerra darba għal dejjem.”

Kien dan il-messaġġ li wasslet il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola waqt diskussjoni li saret fl-Università ta’ Malta hekk kif il-gwerra fl-Ukrajna ilha sena li bdiet. Diskussjoni li ttellgħet mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fi ħdan l-Università ta’ Malta.

F’intervent li sar mill-MEP, David Casa ntqal kif il-Parlament Ewropew se jibqa’ magħqud biex jassigura li l-Ukrajna tingħata s-sapport kollu meħtieġ biex tiġġieled kontra l-qawwa Russa. Huwa fakkar kif l-Unjoni Ewropea diġa’ laqgħat iktar minn 8 miljun Ukren, bil-maġġoranza tagħhom ikunu nisa u tfal, b’Malta qed tagħti l-protezzjoni lil madwar 1,700 Ukren.

Matul id-diskussjoni sar indirizz minn waħda mir-rebbieħa ta’ Sakharov Prize 2022, Oleksandra Matviychuk fejn qalet kif tara lir-Russja bħala pajjiż li huwa ta’ theddida mhux biss għaċ-ċittadini tiegħu iżda wkoll għall-pajjiżi ta’ madwaru. Dan hekk kif mhux jirrispetta d-demokrazija u l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-attivisti filwaqt li kontinwament qed jattakka d-drittijiet umani.

Rebbieħ ieħor ta’ Sakharov Prize 2022, Yaroslav Bozhko sostna kif tmiem il-gwerra fl-Ukrajna se tkun qed twassalna biex ngħelbu ħafna sfidi, fosthom is-sigurtà u l-protezzjoni tad-drittijiet umani madwar id-dinja kollha.