Lokali

Żjara minn Bernard Grech lid-Dar tal-Providenza

Il‑Kap tal‑PN Bernard Grech għamel żjara fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi.  Huwa kien milqugħ mid‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef, il‑management u r‑residenti tad‑Dar, u kellu l‑opportunità li jara xi servizzi li toffri d-Dar, fosthom il-pixxina terapewtika u ċ‑Ċentru Agrikolu San Isodor.  Żewġ residenti offrewlu xi rigali ta’ tifkira lil fosthom xi prodotti li jinħadmu fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor.

F’diskors ta’ merħba Fr Martin irringrazzja lil Bernard Grech għaż‑żjara tiegħu u spjega l‑ħidma tad‑Dar tal‑Providenza.  Huwa faħħar il‑fatt li Gvernijiet differenti dejjem mexxew ’il quddiem dan is‑settur u jawgura li l‑Partit Nazzjonalista jkompli jaħdem favur id‑drittijiet tal‑persuni b’diżabilità.

Min-naħa tiegħu Bernard Grech qal li l-PN japprezza l-impenn ta’ kull Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi residenzjali u favur id-drittjiet tal-persuni b’diżabilità, imma jemmen li dejjem jista’ jsir aktar f’dan is-settur. Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-finanzjament ta’ dawn id-djar kif ukoll fil-prinċipju li dawn id-djar ikunu kemm jista’ jkun fil-qalba tal-komunità.  Huwa rringrazzja wkoll lir-residenti għal-laqgħa ta’ merħba li tawh filwaqt li rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha għall-impenn tagħhom.