Lokali

Arrestat wara sejba ta’ droga fil-karozza

Il-Ġimgħa waranofsinhar raġel ta’ 41 sena residenti Birkirkara ġie arrestat b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga.

Wara osservazzjoni fuq garaxx fil-Marsa, li fih allegatament kienet qiegħda tkun ittraffikata ddroga, il-Pulizija nnutaw l-allegat suspettat jidħol fil-garaxx u wara ftit ħin deher joħroġ u jirkeb f’vettura.

Kien hawn li huwa ġie ċċirkondat u arrestat.

Minn tfittxijiet li saru fuqu u fil-vettura, il-Pulizija elevat numru ta’ qratas b’sustanza suspettata droga kokaina. Minn aktar tfittxijiet li saru fil-garaxx instabet aktar droga suspettata kokaina u ammont konsiderevoli suspettata ħaxixa tal-kannabis, kif ukoll mwieżen diġitali u diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.

Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti s-Sibt, għall-ħabta ta’ 12:00, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, b’akkużi relatati ma’ dan il-każ.