Lokali

Bernard Grech jappella biex għada kulħadd jingħaqad f’vuċi waħda biex jispiċċa ż-żmien ta’ impunità

“Għada kulħadd għandu jingħaqad f’vuċi waħda sabiex il-poplu juri lil Robert Abela li hemm bżonn jispiċċa ż-żmien ta’ impunità li qed jirrenja f’pajjiżna.”

Dan huwa l-appell li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech biex il-Ħadd waranofsinhar kulħadd jingħaqad b’vuċi waħda fil-protesta li se ssir fil-Belt Valletta. Huwa qal li quddiem dak kollu li qed iseħħ, il-poplu Malti jixraqlu li jkollu ħajja aħjar fejn il-familji jkunu jistgħu jgħixu b’mod seren.

Fakkar kif ġimgħa ilu l-qrati Maltin iddikjaraw il-kuntratt tat-tliet sptarijiet bħala wieħed korrott u frawdalenti. Kuntratti li saru minn Gvern Laburisa u ġew difiżi fil-Qorti u fil-Parlament minn Robert Abela u minn sħabu.

Bernard Grech qal li din il-ġimgħa stess il-Qorti tal-Appell iddikjarat għal darb’oħra li l-PBS u l-Awtorià tax-Xandir kissru d-drittjiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista fir-rapurtaġġ tagħhom. Bil-PBS jibqa’ magna ta’ propoganda għall-Gvern, imħallsa minn flus il-poplu biex twassal il-messaġġ ta’ Robert Abela.

Bernard Grech qal li matul din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista kompla jsemma leħħnu u jwassal it-tħassib tan-nies meta fost l-oħrajn tkellem dwar il-bżonn li ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia. Iżda Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li din ma ssirx u qed imur kontra dak li tixtieq il-familja …li qed titlob li din l-inkjesta pubblika ssir.  

Il-Kap tal-PN qal li ta’ kuljum ħafna nies qed juru l-għadab tagħhom għall-mod kif qed imexxi Robert Abela… għall-mod kif minflok jaqbeż għall-poplu qed jaqbeż għall-Vitals u Steward.

Il-protesta tal-Ħadd se tibda fit-3:30pm minn quddiem Kastilja…. u hija sejħa minftuħa għall-familji, għall-anzjani, għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin li jridu li f’pajjiżna l-affarijiet isiru b’mod differenti.