Futbol Sport

BOV Challenge League: Sliema Wanderers jiksbu l-ħdax-il rebħa konsekuttiva

(Ritratt: Andre Farrugia)

Sliema Wanderers, li l-ġimgħa li għaddiet laħqu wieħed mit-tragwardi tagħhom u l-aktar importanti, dak li jirritornaw fil-Kampjonat Premier, komplew jikkonfermaw is-superjorità tagħhom fiċ-Challenge League b’rebħa ta’ 3-2 fuq Tarxien Rainbows. Din kienet il-11-il rebħa konsekuttiva fil-kampjonat għal Sliema li issa jmiss li jikkonfermaw ir-rebħ tal-kampjonat, tragward li ukoll jinsab viċin li jintlaħaq.

Il-Wanderers kellhom jistennew sal-41 minuta biex fetħu l-iskor permezz tal-eks Balzan Lydon Micallef li għeleb lil Matthias Debono fil-41 minuta, tmiem l-ewwel taqsima 1-0 favur il-Blues.

Tarxien wettqu reazzjoni mas-siegħa logħob u ġabu d-draw permezz ta’ Junior Conceicao Cabral iżda Sliema reġgħu marru minn fuq fit-78 minuta b’gowl ieħor ta’ Lydon Micallef, il-15-il wieħed għalih dan l-istaġun.

Għaddew biss żewġ minuti u Sliema skorjaw it-tielet permezz ta’ Jean Carlos biex fis-87 minuta Tarxien ingħataw penalty li nkariga minnu Junior Conceicao Cabral fejn hu ukoll għaqqad doppjetta personali, iżda dan ma kienx biżżejjed għax l-iskor sat-tmiem baqa’ ma nbidilx u Sliema ġarġu rebbieħa 3-2.

(Ritratt: Andre Farrugia)

Riżultati:

Top Six:

Żurrieq 1-4 Żejtun Corinthians

Tarxien Rainbows 2-3 Sliema Wanderers

Play-Out:

Fgura United 1-1 San Ġwann

St. Andrews 2-1 Attard