Lokali Saħħa

“Flus għal Steward għandna, iżda l-Gvern għall-infermiera tagħna m’għandux flus” – Paul Pace

“Dan il-Gvern ma jridx jaċċetta li hawn nuqqas ta’ infermiera f’pajjiżna”.

Hekk sostna l-President tal-MUMN f’kummenti li ta lil Net News fejn qal li dan il-Gvern mhux konxju tan-nuqqas li hawn f’pajjiżna fis-settur tas-saħħa.

“L-anqas biss irid jammetti l-problema tan-nuqqas ta’ inferemiera f’dan il-pajjiż. Tibda tiskanta kif il-Gvern tal-ġurnata mhux responsabbli mill-qasam tas-saħħa, meta jaf li hawn problema kbira mal-infremiera Maltin fejn l-NHS qed tiġi biex tieħu l-infermiera Maltin u minflok tirredikolana billi ttina żewġ karti, jien ma bdejtx nifhem dak il-ħin, ħassejtni qisni fi pjaneta oħra u mhux f’Malta, jekk jien nibża’ għall-pajjiżi, nistenna li l-Gvern jibża’ għal pajjiżu”

Il-ġimgħa d-dieħla, l-MUMN se tkun qed issejjaħ azzjonijiet industrijali wara li l-Gvern ikkonferma mal-union li mhemmx aktar flus għall-infermieri. Dan fid-dawl tal-ftehim settorjali li qed jiġi negozjat bħalissa.

Xhur ilu, l-MUMN kienet preżentat dokument dettaljat ta’ 37 paġna lill-Gvern bil-proposti tagħha biex jissaħħaħ is-settur tas-saħħa u biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-infermieri.

Jidher li r-risposta tal-Gvern kienet waħda xotta immens, bi ftit paragrafi miġbura f’żewġ paġni. U hawn, deher ċar li minn Kastilja ma kienx fadal rieda biex isir investiment fl-infermieri. Tant li ħafna mill-allowances proposti lanqas biss ġew kunsidrati.

“Li tinduna li qed jgħidulek li m’hemmx flus għalikom, tifhem kemm fir-realtà hemm nuqqas ta’ rispett”

Huwa qal li jixtieq li l-MUMN ma tirrikorrix għala zzjonijiet industrijali, iżda l-Gvern huwa konxju li meta preżenta l-konto-proposti kien qiegħed iġġiegħel lill-infermiera biex jieħdu dawn l-azzjonijiet….

“Jekk ma tmurx għal azzjonijiet industrijali ma takkwista xejn, flus għal Steward għandna… iżda għall-infermiera tagħna l-Gvern m’għandux flus”

Intant, għall-PN, l-aħbar li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux flus għall-infermieri u l-qwiebel meta sab aktar minn €300 miljun għal ta’ Steward hi konferma oħra kif il-Gvern ta’ Robert Abela għandu l-prijoritajiet tiegħu ħżiena.