Atletika Sport

Grillo u Scicluna bl-aqwa ħinijiet staġjonali f’Istanbul

(Chiara Montesano | European Athletics)

L-atleta Malti Beppe Grillo rnexxilu jikseb ħin tajjeb taħt is-7 sekondi fil-heat tas-60metru fil-Kampjonjati Ewropej Indoor li għaddejjin f’Istanbul fit-Turkija. Huwa temm l-isprint tiegħu fl-aqwa ħin staġjonali għaliħ f’6.95 sekonda. Il-heat tiegħu ntrebħet mill-iSlovakk Jan Volko f’6.62s. Il-kompetizzjoni tas-60m tkompli matul il-ġurnata tal-lum b’uħud mill-aqwa ismijiet tal-atletika internazzjonali fosthom Marcel Jacobs, ċampjin Olimpiku renjanti fuq il-100m. Għall-Grillo din kienet l-ewwel parteċipazzjoni fuq livell internazzjonali fil-kategorija senior.

Esperjenza tajba wkoll għal Carla Scicluna li fis-60m temmet il-heat tagħha f’7.72sekonda, li wkoll huwa l-aqwa ħin staġjonali għaliha. Hija kienet qed tikkompeti fost uħud mill-aqwa sprinters nisa fil-kontinent, bl-Iżvizzera Kambundji tirbaħ id-deheb f’ħin ta’ 7 sekondi netti, quddiem il-Pollakka Ewa Swoboda.

Għalkemm il-ħin ta’ Grillo u Scicluna ma kienx biżżejjed biex jikkwalifikaw għas-semifinali, ir-riżultat huwa wieħed inkoraġġanti u jawgura tajjeb għat-tħejjija taż-żewġ atleti għall-impenji li ġejjin, fosthom il-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar.

Scicluna u Grillo kienu kkumpanjati f’Istanbul mill-President ta’ Athletics Malta Andy Grech. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta kienet appoġġjata minn Eurosport, SportMalta, il-Kumitat Olimpiku Malti u l-NDSF.

(Ritratt: Chiara Montesano | European Athletics)