Rowen Camilleri
Wara l-waqfa ta’ ġimgħa minħabba l-impenji tal-F.A. Trophy, fejn issa nafu minn huma l-erba’ semi finalisti għal dan it-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti, fi tmiem din il-ġimgħa jirritorna l-Kampjonat BOV Premier. Fadal biss sitt logħbiet għal tmiem il-kampjonat u f’dawn il-ġimgħatejn li ġejjin jintlagħabu tnejn minn dawn is-sitt konfronti biex imbagħad ikollna waqfa oħra minħabba l-logħob tan-nazzjonal. Qabel din il-waqfa jista’ jkollna lil Ħamrun Spartans inkurunati champions hekk kif jekk jirbħu ż-żewġ logħbiet li fadal ikunu matematikament rebbieħa tal-kampjonat anke minħabba li l-ġimgħa d-dieħla l-konfront tagħhom huwa kontra t-tim ta’ taħthom Gżira United, li bħalissa jinsabu 11-il punt warajhom. L-aħjar taqtiegħa fil-klassifika hija dik għall-Ewropa hekk kif bejn it-tielet u s-sitt post hemm biss tliet punti u għalhekk wieħed irid jara min minn dawn se jkun li jagħmilha mal-ewwel erbgħa.
Mosta vs Ħamrun Spartans | Għada, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium
Qabel il-logħba li jmisshom nhar il-Ħadd li ġej kontra Mosta, l-atmosfera fil-klann ta’ Ħamrun Spartans matul din il-ġimgħa kienet waħda differenti minn tas-soltu għal żewġ raġunijiet. Ibda biex, tinħass arja ta’ diżappunt wara li l-leaders tal-Kampjonat Premier kienu eliminati mill-IZIBET FA Trophy, b’telfa ta’ 1-0 kontra Birkirkara u t-tieni, għal kważi ġimgħa sħiħa, kowċ Branko Nisevic kellu nieqes mit-taħriġ is-seba’ plejers Maltin imsejħa fit-tim nazzjonali Malti għall-mini training camp li mexxa f’dawn il-jiem il-kowċ il-ġdid ta’ Malta, Michele Marcolini. Tabilħaqq dan hu test iebes għal Ħamrun kontra Mosta, fil-21 ġurnata tal-Kampjonat Premier. L-avversarji tal-leaders, attwalment għaddejin minn mument tajjeb, tant li mill-aħħar erba’ partiti tal-Kampjonat rebħu tliet darbiet u jinsabu fir-raba’ post, bl-istess ammont ta’ punti daqs Hibernians u Balzan. Dan mhux kollox. Fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Mosta avvanzaw bl-aktar mod faċli għas-semi-finali tal-IZIBET FA Trophy, meta fil-Kwarti tal-Finali huma għelbu lil San Ġwann 5-0. Ħamrun rebħu l-ewwel konfront dan l-istaġun bl-iskor ta’ 2-1 b’gowl ta’ Guillaumier fit-82 minuta.
Santa Lucia vs Pietà Hotspurs | Illum, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Wieħed miż-żewġ konfronti diretti min-naħa t-isfel li għandna din il-ġimgħa huwa dak bejn l-aħħar żewġ timijiet, Santa Lucia u Pietà Hotspurs. Minkejja l-isforzi li saru f’Jannar fejn anke biddlu l-kowċ, apparti r-rebħa fit-Trophy fuq Floriana, is-Saints kisbu biss rebħa waħda kontra Żebbuġ u tilfu ħamsa. Id-distakk bejn Santa Lucia u t-tim ta’ fuqhom Żebbuġ huwa dak ta’ 6 punti, b’dawn tal-aħħar jilagħbu konfront dirett ieħor kontra Sirens. Wieħed irid joqgħod attent x’jipprevedi għalissa pero, jidher li meta fadal sitt logħbiet għal tmiem il-kampjonat huwa ftit diffiċli li l-affarijiet jinbidlu fl-aħħar żewġ postijiet tal-klassifika. Pietà l-istess sitwazzjoni, ankrati fl-aħħar post b’5 punti, tlieta fuq l-avversarji Santa Lucia. Jekk l-affarijiet jidhru għan-niżla għal Santa Lucia, Pietà huma kważi relegati hekk kif bejnhom u bejn Żebbuġ hemm distakk ta’ disa’ punti u jekk wieħed jikkonsdra li l-Hotspurs tilfu l-aħħar ħames partiti fil-kampjonat kif ukoll inqalgħu mit-Trophy kontra San Ġwann, jidher li dan it-tim huwa ddestinat li jilgħab fiċ-Challenge League wara biss staġun fil-Premier.

Żebbuġ Rangers vs Sirens | Illum, fis-19:00 fis-Centenary Stadium
Konfront ieħor min-naħa t’isfel tal-klassifika huwa dak bejn Żebbuġ u Sirens, bid-differenza li l-qagħda ta’ dawn iż-żewġ timijiet hija inqas prekarja minn ta’ Santa Lucia u Pietà. Madankollu, għalkemm fil-maġġoranza l-play-offs intrebħu mit-timijiet tal-Premier, xorta waħda wieħed ikun jixtieq li jevita din il-partita sabiex jaċċerta ruħu minn post mal-kbar l-istaġun li ġej. Fl-aħħar ħarġa tagħhom Żebbuġ ma ddiżappuntawx kontra t-tim tal-qiegħ nett Pietà meta għelbuhom 2-0. Rebħa għal Żebbuġ tkun importanti ħafna hekk kif iġġibhom biss żewġ punti taħt l-avversarji u għalhekk ikunu jistgħu jibdew joħolmu li jsalvaw mingħajr il-bżonn ta’ play-off. Sirens ta’ Winston Muscat ukoll għandhom bżonn rebħa minn dan il-konfront minħabba li bi tliet punti jistgħu jaqbżu lil Marsaxlokk u jitilgħu lura fl-għaxar post hekk kif ix-Xlukkajri għandhom konfront iebes kontra tim fil-forma, Birkirkara.

Gudja United vs Hibernians | Għada, fil-11:30 fis-Centenary Stadium
Bi 28 punt u fis-seba’ post tal-klassifika, Gudja United ftit li xejn għandhom pressjoni għalxiex jilagħbu minħabba l-fatt li post fl-Ewropa issa huwa diffiċli bi tmien punti distakk, u b’rashom daqxejn mistrieħa mit-tlettax-il post hekk kif hemm daqstant punti distakk. Tista’ tgħid li l-istaġun huwa kważi mitmum għall-iskwarda mmexija minn Andrea Agostinelli hekk kif nhar is-Sibt kienu eliminati wkoll mill-F.A. Trophy b’xi ftit sfortuna hekk kif sad-94 minuta kienu qed jirbħu lil Gżira 1-0, biex spiċċaw sfaw eliminati bl-għoti tal-penalties. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Hibernians li għadhom qed jissieltu għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Li hu żgur hu li Hibernians iridu jinsew malajr l-eliminazzjoni mill-F.A. Trophy kontra Marsaxlokk u jirritornaw għall-forma li qabdu minn meta ħa f’idu l-iskwadra Silvio Vella.

Gżira United vs Valletta | Għada, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali
Kwalifikazzjoni inkredibli minn Gżira United fl-F.A. Trophy fejn baqgħu jemmnu, u meta deher li kienu se jiġu eliminati minn Gudja, gowl fl-94 minuta minn Nikolai Muscat sforza l-ħin barrani biex eventwalment imbgħad Gżira rebħu bl-għoti tal-penalties. Fil-kampjonat Gżira ġejjin minn draw kontra Floriana wara ħames rebħiet konsekuttivi.Il-Maroons jinsabu 11-il punt taħt il-leaders Ħamrun Spartans u tliet punti fuq Birkirkara u għalhekk tliet punti jkunu mportanti biex iżommu posthom weħidhom fit-tieni post, għalkemm draw jkun biżejjed. Min-naħa l-oħra Valletta huwa wieħed mill-aktar timijiet inkonsistenti dan l-istaġun, fejn issa bejn Kampjonat u Trophy ilhom mingħajr rebħa sitt logħbiet. Huma jinsabu fid-disa’ post b’26 punt, tnax fuq il-pożizzjoni play-off. L-ewwel konfront dan l-istaġun bejn dawn it-tnejn spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls.
Birkirkara vs Marsaxlokk | Għada, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Konfront bejn żewġ timijiet b’moral għoli mmens hekk kif it-tnejn għamluha għas-semi finali tal-F.A. Trophy, b’rebħiet fuq Ħamrun Spartans u Hibernians rispettivament. Birkirkara eliminaw lil-leaders u kważi champions Ħamrun f’rebħa ta’ 1-0 u bi prestazzjoni mill-aqwa, wara li fil-kampjonat iż-żewġ konfronti bejniethom kienu spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls. L-Istripes issa jridu jiffokaw fuq dawn iż-żewġ konfronti qabel il-waqfa għall-impenji Internazzjonali, konfronti li jistgħu ikunu xi ftit antipatki kontra Marsaxlokk u Mosta. Marsaxlokk bħal Birkirkara se jinżlu għal din il-logħba b’moral għoli wara li anke huma bi prestazzjoni liema bħalha eliminaw liċ-champions renjanti Hibernians b’rebħa ta’ 1-0 u b’gowl tal-istampi tal-Arġentin Leandro Agiurre. Fil-klassifika Marsaxlokk jinsabu fl-għaxar post b’20 punt, sitta fuq Żebbuġ Rangers u għalhekk għad iridu jserrħu rashom li staġun ieħor jerġgħu jilagħbu mal-kbar tal-futbol Malti.

Balzan vs Floriana | Għada, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali
Balzan huwa wieħed mit-tliet timijiet bl-istess ammont ta’ punti, 36 u fi ġlieda għall-post fl-Ewropa. Dan l-aħħar it-tim immexxi minn Oliver Spiteri sab il-forma fil-Kampjonat u l-aħħar telfa issa tmur lura għall-10 ta’ Diċembru kontra Birkirkara. Minn dakinhar ‘l hawn huma rebħu sitt partiti u gew draw darba. Ba dubju li issa li waslu s’hawn, it-tragward huwa post fl-Ewropa u biex jagħmlu dan xejn inqas minn tliet punti ma jissodisfhom. L-avversarji huma tim ieħor b’nuqqas kbir ta’ konsistenza u li kważi tista tgħid li l-istaġun tagħhom ukoll huwa mitmum hekk kif Floriana jinsabu fit-tmien post b’27 punt, disa’ punti taħt ir-raba’ post. Floriana żgur li qed jgħoddu l-ġranet biex jispiċċa dan il-kampjonat sabiex ikunu jistgħu idawru paġna ġdida u jibdew jippreparaw għal staġun ieħor bit-tama li jkun aħjar u li jixraq lil dan il-klabb glorjuż.
