Roberta Metsola mill-ġdid iltaqgħet mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky bħala parti minn żjara mhux imħabbra fil-pajjiż li preżentament qed jiġġieled għall-indipendenza tiegħu.
Zelensky kien pront li ppubbliċizza ż-żjara fuq il-midja soċjali filwaqt li rringrazzja lill-President tal-Parlament Ewropew għat-tmexxija tagħha fi tmum tal-UE, u kif ukoll irringrazza lill-istati membri għall-appoġġ li wrew mill-ewwel jiem ta’ din il-gwerra li sa issa rat eluf ta’ ċivili maqtula.
Iż-żjara tagħha fi Lviv, kienet kkaretizzata mill-messaġġ ta’ tama li li l-missjoni ewlenija hija biex mill-ġdid fl-Ewropa jkollna l-paċi u l-libertà.
Aktar tard, iż-żewġ mexxejja indirizzaw studenti Ukreni fl-Università Nazzjonali Ivan Franko ta’ Lviv.
Roberta Metsola waslet fil-pajjiż il-Ġimgħa filgħaxija u immedjatament iltaqet ma’ Ruslan Stefanchuk, il-President tal-Parlament Ukren, b’Metsola twiegħed li jkun hemm tisħieħ fil-kooperazzjoni bejn l-Ukrajna u l-Parlament tal-UE biex ir-relazzjoni ta’ dawn iż-żewġ partijiet tkompli tissaħħaħ.
Permezz ta’ Tweet, Roberta Metsola kitbet li tinsab onorata li mill-ġdid tinsab fl-Ukrajna.
Hija qalet li tinsab fil-preżenza ta’ dawk l-aktar kuraġġużi, dawk li mhux jaqtgħu qalbhom. Li tinsab ma’ dawk li qed jagħmlu sagrifiċċji kbar biex iħaddnu magħhom il-valuri.
Fl-istess messaġġ hija qalet ukoll li tinsab ma’ Ewropej li jistħoqq li pajjiżhom ikun parti mill-Unjoni Ewropea.
Intant, matul il-jum tas-Sibt il-President tal-Parlament Ewropew ipparteċipat ukoll f’ċerimonja simbolika li matulha poġġiet kuruna tal-fjuri fiċ-ċimiterju fejn hemm midfuna l-vittmi tal-gwerra. Fil-messaġġ li waslet f’dan il-mument Roberta Metsola sellmet il-memorja tal-vittmi u tenniet li tat il-fjuri f’isem il-popli Ewropej kollha.
Intant il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa fl-aħħar sigħat kompliet tiħrax hekk kif kompliet tikber it-tensjoni fit-toroq ta’ Bakhmut.
Il-Viċi Sindku tal-istess belt qal li preżantament hemm 4,000 persuna li qed jgħixu fix-xelters, biċ-ċivili wkoll fittxew li jaħarbu mill-inħawi.
Skont rapporti, fl-aħħar ħinijiet nqatlet mara filwaqt li żewġ t’irġiel sofrew ġrieħi serji waqt li kienu qed jippruvaw jaħarbu mill-ġlied. Sadanitant fil-belt ta’ Nikopol wkoll issokta l-ġlied, bir-Russi jirnexxielhom jeliminaw il-provvista tal-elettriku għal din il-belt fejn fl-attakki anki tilfu ħajjithom żewġ persuni ċivili.
//= $special ?>