Lokali

Is-sajjieda jikkundannaw l-aġir tal-Gvern

Il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd ta’ Malta tikkundanna l-aġir tal-Gvern Malti li injora għal kollox t-talbiet tal-koperattiva fir-rigward tad-deċiżjoni fuq il-kwoti tat-tonn. 

Fl-interess tal-industrija u ta’ dawk kollha li joperaw fiha, il-Koperattiva ddeċidiet li żżomm milli tippubblika kwalunkwe tender qabel ma l-Gvern jibda jagħti kas it-talbiet tal-Koperattiva.

Fi kliem id-deputat tal-PN Toni Bezzina, dan kollu juri li għal darb’ oħra dan il-Gvern qed jagħżel ir-rotta tal-arroganza u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni.

Il-kelliem tal-PN għas-sajd spjega ma’ Net News illi l-għażla tal-Gvern li ma jismax minn min jirrappreżenta lis-sajjieda u jiddeċiedi wahdu kif ser titqassam il-kwota tat-tonn ta’ 44 tunnellata għas-sena 2023 hija xhieda li għal darb’oħra l-appelli li għamlulu r-rapreżentanti tas-sajjieda waqgħu fuq widnejn torox.

Il-membri tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd huma ġustament iddiżappuntati b’ din l-attitudni. L-għarfien tagħhom fil-qasam qed jiġi skartat mill-gvern, bil-konsegwenza li l-qasam qed ibati. Dan huwa xhieda tan-nuqqas ta’ rispett li ghandu dan il-Gvern lejn dawk li bi tbatija jaqilgħu l-għajxien taghhom u ta’ familthom minn fuq il-bahar

Dan l-atteġjament hu xhieda oħra tar-ras iebsa tal-Gvern, li mhux lest jiddiskuti b’serjetà mal-ħaddiema u ma’ dawk li jirrappreżentawhom, stqarr Toni Bezzina.