Lokali

Issir it-tnedija uffiċjali tal-ktieb ‘Il-kelma ta’ Eddie Fenech Adami’

‘Il-kelma ta’ Eddie Fenech Adami’ huwa l-isem ta’ ktieb ġdid li ġie mniedi l-Ġimgħa filgħaxija… ktieb mill-pinna tal-awtur James Aaron Ellul li janalizza d-diskorsi politiċi ta’ dan il-politiku li ħalla impatt kbir fuq is-soċjeta Maltija.

Waqt din it-tnedija uffiċjali tkellem l-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg fejn spjega li dan huwa l-ewwel ktieb tax-xorti tiegħu li analizza l-għodda li kien juża Eddie Fenech Adami biex iwassal il-messaġġ tiegħu… għodda li tinkludi wkoll it-ton tal-vuċi ta’ Eddie. Stqarr li dan huwa ktieb miktub bi stil mexxej li jitfa’ dawl ukoll fuq id-diskorsi li jirriflettu l-istorja ta’ Malta f’dawn l-aħħar snin. 

Iben il-protagonist ta’ dan il-ktieb, Beppe Fenech Adami rringrazzja lill-awtur li għamel analizi tad-diskorsi ta’ Eddie Fenech Adami matul il-karriera politika tiegħu f’kuntesti differenti fosthom corner meetings. Diskorsi fejn Eddie dejjem żera t-tama, dejjem kienu diskorsi ta’ viżjoni u dejjem lissen l-għaqda u l-fiduċja. Huwa qal li t-tnedija ta dan il-ktieb hija ċelebrazzjoni ta’ kliem li bidlu l-kors tal-istorja politika ta’ pajjiżna.  

Martin Bugelli f’isem il-Klabb Kotba Maltin, li huma l-pubblikaturi ta’ dan il-ktieb fid-diskors tiegħu qal dan il-ktieb huwa uniku għax jittratta l-politika ta’ Eddie Fenech Adami tramite l-kelma tiegħu. Ktieb li analizza l-metafora, l-użu tar-retoriak u l-istil ta’ kif kien jagħmel id-domandi tiegħu.

F’sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba, l-awtur James Aaron Ellul qal li l-għażla li jikteb ktieb fuq l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami kienet li għalih Eddie dejjem kien ix-xbiha tal-kap tal-Partit. Stqarr li l-imħabba tiegħu lejn il-lingwa Maltija u l-kelma li dejjem uza Eddie Fenech Adami waslitu biex tinbet imħabba ma’ oratur u l-kelma li kien juża u kif il-lingwa Maltija u Eddie bħala oratur jikkumplimentaw lil xulxin.

B’James Aaron Ellul jispjega kif Eddie Fenech Adami  fid-diskorsi tiegħu kien juża numru ta’ termini bħal ‘aħna’ u ‘pajjiżna’ biex ikattar l-għaqda fost il-poplu Malti f’mumenti fejn kienet tirrenja t-tensjoni politika. Dan apparti wkoll li spjega l-Metafora Evanġelika u l-fidi Nisranija li kienet rifless spiss fil-kelma użata.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-Viċi Kap Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino,  l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, qraba ta’ Eddie Fenech Adami, persuni oħra li ħadmu qrib tiegħu kif ukoll qraba tal-awtur James Aaron Ellul.