Ikomplu jiżdiedu l-vittmi tat-traġedja tal-immigranti li seħħet ftit tal-jiem ilu fir-reġjun ta’ Kalabrija.
Matul il-jum tas-Sibt ittella’ katavru ta’ tifel biex b’hekk l-immigranti li tilfu ħajjithom fl-għarqa ta’ dgħajsa lil hinn mir-reġjun ta’ Kalabrija issa qabżu s-70. Il-katavru tat-tifel instab 10 kilometri ‘il bogħod minn fejn għerqet din id-dgħajsa.
Il-vittmi tal-inċident, li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ftit ‘il barra minn bajja ta’ Crotone jinkludu diversi tfal… b’kollox s’issa tilfu ħajjithom 16-il tifel u tifla f’din it-traġedja.
Il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni qalet li r-rotta li ħadet din id-dgħajsa ma kinitx parti mir-rotot uffiċjali tal-għaqdiet non-governattivi. Għalhekk Meloni qalet li dawn il-vjaġġi illegali ma jistax jibqgħu jsiru u jeħtieġ li jieqfu b’mod immedjat sabiex ma jmutux aktar nies. Hija sostniet li din il-problema ma tistax issolviha l-Italja waħedha.
Barra minn hekk, hija qalet li fil-mument li seħħet din it-traġedja hija ma rċiviet l-ebda indikazzjoni ta’ emerġenza minn naħa tal-Frontex.
Dakinar tal-inċident, id-dgħajsa, li kienet mgħobbija b’aktar minn 200 persuna, ħafna minnhom mill-Pakistan, tkissret mal-blat waqt li kienet qed tipprova tasal sax-xatt ta’ Crotone.
//= $special ?>