Lokali Saħħa

L-MUMN tikkonferma li l-Gvern m’għandux aktar flus għall-infermieri

Il-ġimgħa d-dieħla, l-MUMN se tkun qed issejjaħ azzjonijiet industrijali wara li l-Gvern ikkonferma mal-union li mhemmx aktar flus għall-infermieri. Dan fid-dawl tal-ftehim settorjali li qed jiġi negozjat bħalissa.

Xhur ilu, l-MUMN kienet preżentat dokument dettaljat ta’ 37 paġna lill-Gvern bil-proposti tagħha biex jissaħħaħ is-settur tas-saħħa u biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-infermieri.

Jidher li r-risposta tal-Gvern kienet waħda xotta immens, bi ftit paragrafi miġbura f’żewġ paġni. U hawn, deher ċar li minn Kastilja ma kienx fadal rieda biex isir investiment fl-infermieri. Tant li ħafna mill-allowances proposti lanqas biss ġew kunsidrati.

Intant, għall-PN, l-aħbar li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux flus għall-infermieri u l-qwiebel meta sab aktar minn €300 miljun għal ta’ Steward hi konferma oħra kif il-Gvern ta’ Robert Abela għandu l-prijoritajiet tiegħu ħżiena.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex isemmgħu leħinhom fil-Protesta Nazzjonali ta’ għada. Għax int jixraqlek aħjar.