Futbol Sport

Premier League Ingliż: Southampton ikomplu jittamaw b’rebħa kruċjali fuq Leicester City

Southampton kisbu rebħa ferm importanti fuq Leicester City u meta issa huma għandhom l-istess punteġġ (21) bħal Everton u Bournemouth, li bħalhom, qegħdin jokkupaw id-‘drop zone’ tal-klassifika.

Il-gowl li deċieda l-logħba kien skurjat wara 35 minuta minn Carlos Alcaraz li għeleb in-nasba tal-offside biex isib ix-xibka ta’ Danny Ward għall-uniku gowl ta’ dan il-konfront f’St Mary’s Stadium.

Fil-fatt il-gowl kellu jasal tlett minuti biss wara li Ward kien salva l-penalty mogħti minn James Ward-Prowse u li ngħata għall-hands ta’ Timothy Castagne fil-kaxxa.

Ir-rebħa hi biss it-tieni waħda għas-Saints f’darhom – bil-Foxes imorru qrib li jsalvaw punt meta, fl-aħħar ħinijiet, id-daqqa ta’ ras ta’ Souttar ħabtet mal-mimduda u bil-ballun jispiċċa barra.