Futbol Sport

Premier League Ingliż: Rebħa drammatika għal Arsenal li jżommu l-vantaġġ ta’ ħames punti fuq Man City

Arsenal żammew il-vantaġġ ta’ ħames punti fuq Manchester City wara li kisbu rebħa mill-aktar sofferta ma’ Bournemouth fl-Emirates Stadium. Dan ukoll wara li l-Gunners kellhom jirmontaw żvantaġġ ta’ żewġ gowls minn wara s-57 minuta u meta kollox, għalihom, kien qed jidher mitluf.

Intant, Manchester City qed ikomplu jittamaw f’żelqa ta’ Arsenal, b’rebħa tajba, 2-0, fuq Newcastle United. Fl-istess ħin, Manchester United – li lagħbu żewġ logħbiet anqas minn dawn iż-żewġ tims – jistgħu jżommu ħaj iċ-ċans minimu li jisfidaw ukoll għar-rebħ tal-kampjonat jekk kemm-il darba huma jiksbu riżultat utli mil-logħba ferm mistennija tallum kontra Liverpool f’Anfield Road.

Bournemouth ħasdu lill-pubbliku numeruż fl-Emirates mseta kisbu l-vantaġġ wara biss għaxar sekondi minn Philip Billing, biċ-Cherries jirduppjaw wara l-mistrieħ meta Marco Senesi sab ix-xibka bir-ras fuq azzjoni ta’ korner.

Minn dak il-ħin Arsenal xeħtu kollox fuq l-attakk u kisbu parità b’gowls ta’ Thomas Partey (62) u Ben White (70) biex aċċertaw tmiem mill-aktar drammatiku għal dan il-konfront…U fil-fatt, fis-seba’ minuta tal-ħin miżjud u waqt li r-referi, Chris Kavanagh, kien qed iħares lejn l-arloġġ, Reiss Nelson, li kien qed jilgħab għall-ewwel darba mit-12 ta’ Novembru, skorja l-gowl tar-rebħa in extremis, b’xutt għar-rokna li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Neto.

Sadanittant, Manchester City komplew isegwu lil Arsenal wara li għelbu lil Newcastle fl-Etihad Stadium, biex b’hekk ikkonkludew ġimgħa miżerabbli għall-Geordies li l-Ħadd li għadda kienu tilfu l-finali tal-Carabao Cup kontra Manchester United.

City fetħu l-iskor minn Ben Foden wara biss 15-il minuta, bix-xutt tiegħu jaħbat ma’ Sven Botman qabel spiċċa fix-xibka ta’ Pope.  U waqt li City baqgħu superjuri, huma kellhom jistennew sas-67 minuta biex jagħlqu l-logħba grazzi għas-sostitut, Bernardo Silva li rdoppja fuq l-assist ta’ Haaland.

B’din it-telfa, Newcastle għadhom fil-ħames post tal-klassifika, b’erba’ punti żvantaġġ ma’ Tottenham Hotspur li tilfu, 0-1, kontra Wolves f’Molineux.

It-telfa għal Spurs kellha tasal tlett ijiem biss wara li huma spiċċaw eliminati mill-FA Cup b’telfa minima kontra Sheffield United, li qegħdin fl-ewwel postijiet ta’ The Championship u li qed jittamaw li jitilgħu mill-ġdid fl-ogħla diviżjoni.

Fil-verità, Tottenham kienu aħjar minn Wolves għal ħafna ħinijiet u fejn huma laqtu l-lasta darbtejn qabel it-tentattiv ta’ Adama Traore (82) li spiċċa fix-xibka ta’ Fraser Forster għall-uniku gowl tal-logħba. Wolves, li jinsabu fit-13-il post tal-klassifika kellhom jiddefendu għal ħinijiet twal iżda fl-aħħarnett huma ħadu vantaġġ mill-inkonsistenza ta’ Spurs li jinsabu f’taqbida kbira għal post mat-Top Four tal-Premier League.

Crystal Palace għadhom qed jistennew l-ewwel rebħa fil-Premier League mill-bidu tas-sena u wara li huma, mill-ġdid, sofrew telfa oħra – din id-darba kontra Aston Villa, f’Villa Park.

Il-mument li deċieda l-logħba wasal fis-27 minuta permezz ta’ awtogol klassiku minn Joachim Andersen; bl-Eagles ta’ Patrick Vieira jispiċċaw jilgħabu l-aħħar nofs-siegħa b’għaxar plejers wara li tkeċċielhom Cheick Doucoure li ntwera żewġ karti sofor fi spazju ta’ ħames minuti. Ir-riżultat ifisser ukoll li Palace ilhom l-aħħar disa’ logħbiet mingħajr rebħa fil-Premier League Ingliż.

Brighton and Hove Albion għadhom qed jittamaw bil-kbir li jilgħabu fl-Ewropa fl-istaġun li ġej wara rebħa emfatika, 4-0, fuq West Ham United, fl-Amex Stadium – u għal riżultat li jżid il-pressjoni għall-manager tal-Hammers, David Moyes.

L-ewwel gowl tas-Seagulls wasal fit-18-il minuta, meta Alex MacAllister ikkonverta penalty għall-fawl ta’ Bowen fuq Mitoma – u minn dak il-ħin, Brighton ma ħarsux lura, fejn komplew ikabbru l-iskor b’gowls ta’ Veltman (51), Mitoma (70) u Welbeck (89); b’West Ham rari jkunu perikolużi, tant li huma setgħu anki tilfu bi skor akbar.

Intant, West Ham jinsabu f’inkwiet serju lejn in-naħa t’isfel tal-Premier League fejn għandhom biss vantaġġ ta’żewġ punti fuq it-tliet tims fiz-zona l-ħamra tal-klassifika.

Wesley Fofana skorja l-ewwel gowl fil-Premier League bil-flokk ta’ Chelsea li sa fl-aħħar irritornaw għar-rebħ għall-ispejjeż ta’ Leeds United. Dan meta l-Yorkshiremen – bħal West Ham – qed jissieltu biex jinqatgħu ‘il fuq mill-aħħar tliet postijiet u fejn huma qegħdin iħossu sew in-nuqqas ta’ skorer prolifiku.

Ir-rebħa ma setgħetx waslet fi żmien aktar opportun għall-manager ta’ Chelsea Graham Potter, peress li l-Blues kienu rebħu darba biss fl-aħħar 15-il logħba u meta huma, issa, jinsabu fl-għaxar post tal-Premier League.

Chelsea kienu superjuri għall-avversarji u setgħu fetħu vantaġġ komdu sal-mistrieħ wara li Havertz falla banalment minn quddiem il-gowlkiper Meslier — b’Joao Felix isammar mal-mimduda u b’Ben Chilwell ukoll jitlef opportunità ta’ skor faċli.

Minn dak il-ħin, Leeds ukoll bdew jheddu l-lasta ta’ Arrizabalaga, iżda fil-53 minuta wasal il-mument deċiżiv ta’ Fofana li sab ix-xibka bir-ras minn korner – b’dan il-gowl iwaqqaf sekwenza ta’ 396 minuta li fihom Chelsea fallew imqar darba milli jsibu x-xibka tal-avversarji.