Botti dwar il-predeċessur tiegħu – u attakki partiġġjani kontinwi.
Hekk ġie deskritt id-diskors tal-Mexxej Laburista u Prim Ministru Robert Abela fiċ-Ċentru Laburista fix-Xagħra Għawdex fejn ħareġ aktar fil-beraħ il-qasma li hemm bejn il-faxxa ta’ Abela u dik tal-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat.
Għal aktar minn darba matul dan id-diskors rema’ t-tmexxija ta’ Muscat b’rabta mal-iskandlu u l-frodi tat-tlett sptarijiet li l-Gvern kien ta’ lill-Vitals u sussegwentament lill-Steward.
Huwa insista li kien hemm deċiżjonijiet li setgħu ttieħdu ħafna aħjar, madanakollu surrealment naqas milli jsemmi li hu kien parti fundamentali mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat minn Ġunju 2017 hekk kif hu kien il-konsulent legali tal-istess Kabinett.
Dan filwaqt li bis-sentenza tal-Qorti li tat lura l-isptarijiet lill-poplu Malti u Għawdxi issa saħaq li l-Gvern jrid ifassal it-triq ‘il quddiem….l-istess Gvern immexxi minnu li ma għamel xejn biex jingħataw lura l-isptarijiet lill-poplu..l-istess Gvern magħmul mill-istess nies li approvaw dan is-serq minn but il-familji Maltin u Għawdxin.
Robert Abela għażel li jibqa’ jattakka lill-Partit Nazzjonalista u dawk kollha li jsemmgħu leħinhom kontra l-inġustizzji hekk kif saħaq li dawn iridu jfixklu s-serenità fil-pajjiż.
Abela insista li Partit Laburista fil-Gvern qatt ma kien arroganti….fl-istess waqt iżda qed ikun supperv ma’ omm imnikkta li tilfet lil binha taħt it-tiġrif ta’ binja taħt kostruzzjoni.
Dan hekk kif omm Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li tilef ħajtu traġikament f’Kordin f’Diċembru, għadha titlob lil Prim Ministru sabiex jiftaħ inkjesta pubblika indipendenti…iżda huwa qed ikompli jinjora l-appelli tagħha u ta’ bosta oħrajn.
L-istess arroganza u suppervja li wera ma studju mwettaq minn esperti, u kkummissjonat mill-Gvern stess, li wera nuqqasijiet kbar f’dak li kellu x’jaqsam għajnuna lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Studju li kien tħalla fuq l-ixkaffa u li waqt li ġie mwarrab nqatlu żewġ nisa vittmi ta’ vjolenza domestika.
B’konklużjonijiet ta’ inkjesta juru biċ-ċar li Bernice Cilia, waħda mill-vittmi li nqatlet taħt idejn żewġha, nqatlet għaliex is-servizzi tal-istat ma offrux riżorsi biżżejjed – rakkomandazzjoni li kien għamel dan l-istudju injorat minn Abela.
Għaldaqstant wara nofs siegħa diskors, Robert Abela għal darb’oħra naqas milli jgħid min se jerfa’ responsabbilità għall-kwistjoni tal-Vitals, min se jerfa’ responsabbiltà politika b’rabta man-nuqqasijiet li waslu għal qtil ta’ omm, u min se jerfa’ responsabbiltà għal mewta ta’ iben sabiex każi bħal dawn jiġu evitati akkost ta’ kollox.
Huwa ċar li Abela qed jibqa’ ma jweġibx.