Lokali

“Ejjew inkomplu nissieltu kontra l-korruzzjoni” – Josef Vella

“Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa – Ejjew bħala poplu nkomplu nissieltu kontra l-korruzzjoni. Aħna obbligati li nkomplu naħdmu sabiex inġibu flusna lura.”

Dan qalu il-Kap ezekuttiv tal-UĦM voice of the workers Josef Vella, waqt il-protesta Nazzjonali li saret il-Ħadd waranofsinhar bit-tema ‘Int jixraqlek ahjar’.

“Il-ħaddiema li kienu ngaġġati minn Steward għadhom qed jiġu diskriminati. U l-UĦM ma tistax tibqa’ gallarija quddiem dan kollu. Għalhekk, hassejt il-bżonn li f’isem dawn il-ħaddiema, nitkellem u nindirizza din il-protesta għaliex il-UĦM kienet l-unika union li ma ffirmat l-ebda karta ma’ Vitals u Steward. Mill-bidu nett, aħna ndunajna li dan il-kuntratt huwa qarrieq – u għalhekk aġġixxejna.”

Vella fakkar kif il-UĦM kienet l-ewwel union li marret quddiem l-accounts committee u talbet lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga dan il-każ frawdolenti.

Il-kap Eżekuttiv tal-UĦM tenna li kien il-Gvern Laburista li daħħaq bin-nies u “dawwarna dawra durella, għas-spejjeż taċ-ċittadin. Izda llum qegħdin hawn sabiex nipprotestaw kontra l-aġir korrott tal-Gvern Laburista li bl-għardir kollu ma aġġixxiex wara li l-Qorti kkundanat il-ftehimtat-tliet sptarijiet ma’ Vitals.”

“Il-Qorti tenniet li l-aġir tal-Gvern Laburista huwa frawdolenti u qarrieqi, u kien fi dmir li jinvesti dawn il-miljuni li nsterqu mit-taxxi tal-poplu Malti u Ghawdxi b’mod aktar għaqli, kemm fis-settur tas-saħħa sabiex dan is-servizz isir aktar effettiv, kif ukoll għal opportunitajiet akbar għaż-żgħażagħ.”

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv wissa li l-istorja għadha għaddeja għaliex il-ħaddiema li kienu ġew ingaġġati minn Steward għadhom qed jiġu diskriminati.

Vella fisser kif dawn il-ħaddiema minkejja li jagħmlu l-istess xogħol tal-kollegi tagħhom li huma fuq il-kotba tal-Gvern, għandhom kundizzjonijiet inferjuri, u dan imur kontra l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol tal-istess valur. Għalhekk hu forma ta’ diskriminazzjoni u m’gaħndux jiġi accetat.

Intant, il-kawża separata li l-UĦM fetħet kontra l-Gvern, wara li l-Gvern Laburista ma onorax ftehim bil-miktub li fih kien ta kelmtu li l-ħaddiema ta’ Steward ikunu trasferiti mal-Gvern bl-istess kundizzjonijiet ta’ sħabhom se tkompli tinstema’ nhar il-Ħamis 16 ta’ Marzu.