Il-qawwiet tar-Russja qegħdin ifallu milli jieħdu l-kontroll assolut f’Bakhmut minkejja li żdiedu l-battalji fit-toroq ta’ din il-belt, lejn il-lvant tal-Ukrajna.
Il-Viċi-Sindku ta’ Bakhmut, Oleksandr Marchenko, qal, sadanittant, li t-truppi Ukreni qegħdin jirreżistu bi qlubija kbira kontra avversarji superjuri f’termini ta’ numri u tagħmir militari u li l-vera inkwiet jinvolvi t-traġedja umana li qed tiżviluppa fl-inħawi.
Dan meta l-4,000 ċivili li għadhom jgħixu f’Bakhmut ( minn popolazzjoni ta’ 75,000 qabel il-gwerra) u l-madwar mhumiex jissugraw li joħorġu mix-xelters, fejn mgħandhomx aċċess għall-gass, l-elettriku jew l-ilma. Fl-istess ħin, ma teżistix bini ( f’Bakhmut) li ma ġarrbitx il-qerda tal-gwerra u b’din il-belt tispiċċa ridotta għall-munzelli ta’ tifrik, bil-battalji qed ikomplu.
Il-belt ta’ Bakhmut tipprovdi rotta importanti lejn zoni sensittivi oħra tal-Ukrajna u l-battalji għall-kontroll tal-inħawi ilhom għaddejjin ix-xhur.
Intant, mhumiex jieqfu l-battalji minn triq għal triq u jekk ir-Russi jirnexxilhom jaħtfu l-kontroll ta’ Bakhmut, dan għandu jitqies bħala suċċess militari rari għall-Armata tal-President tar-Russja, Vladimir Putin.
L-osservaturi anki qed jgħidu li – minkejja l-importanza strateġika ta’ Bakhmut – ir-Russi ‘diġà ħallsu prezz wisq qawwi’ f’termini ta’ ħajja mitlufa huma u jissieltu għal supremazija fl-inħawi. Dan meta l-kmandanti militari tal-Ukrajna qalu, mingħajr ma produċew ċifri , ‘li l-għadu tilef seba’ darbiet aktar suldati minnhom’ waqt il-battalji għal Bakhmut.
Madankollu, is-servizzi sigrieti tar-Renju Unit, fi tmiem il-ġimgħa, qalu li r-Russi, issa, irnexxielhom javvanzaw fis-subborgi lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Bakhmut u f’liema sitwazzjoni, iz-zoni difiżi mill-Ukreni spiċċaw aktar vulnerabbli għall-attakki tal-qawwiet ta’ Putin li qegħdin isiru ‘minn tliet direzzjonijiet’.
Sadanittant – u waqt li r-Russi mhumiex jirnexxielhom jinfiltraw sal-qalba ta’ Bakhmut – mhux eskluż li l-kmandanti tal-Ukrajna jistgħu qed jaħsbu biex, ‘il quddiem, jirtiraw b’mod organizzat mill-inħawi minħabba l-periklu għaċ-ċivili u minkejja t-telf ta’ ħajja terribbli fuq in-naħa tar-Russi.
//= $special ?>