Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet, waqt diskors bil-video, li r-Russja għandha tinżamm kontabbli għar-reati terribbli li wettqu l-qawwiet tagħha fil-konfront taċ-ċivili Ukreni.
Hi kompliet li l-Istituzzjonijiet internazzjonali għandhom jagħmlu minn kollox possibbli biex jaċċertaw li ssir il-ġustizzja mal-awturi ta’ dawn ir-reati kontra l-bniedem.
‘Kollox jindika li t-truppi Russi fl-Ukrajna qatlu kiesaħ u biered lill-familji sħaħ u meta lanqas it-tfal ma ħelsuha’, sostniet von der Leyen, li rreferiet ukoll għat-tortura u maltrattament kontinwi ta’ ċivili fl-ibliet Ukreni okkupati mir-Russi.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, intant, ħabbret l-iffirmar ta’ ftehim għat-twaqqif ta’ Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tar-Reat ta’ Aggressjoni li għandu jkollu s-sede tiegħu f’The Hague (fl-Olanda). Hi saħqet li filwaqt li l-Unjoni Ewropea tappoġġja bis-sħiħ ir-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjoanli, l-Unjoni temmen ukoll fil-ħtieġa ta’ tribunal speċifiku biex jipproċessa r-reati ta’ aggressjoni min-naħa tar-Russja.
Von der Leyen enfasizzat li l-invażjoni tal-Ukrajna ssarrfet fi tbatija terribbli għall-poplu Ukren waqt li fakkret li, ‘waqt iż-żjara tagħha (fl-Ukrajna) hi setgħet tara sinjali ċari tal-atroċitajiet li r-Russi wettqu fuq in-nies minbarra l-impatt tal-gwerra fuq l-infrastruttura ċivili’.
Dan meta żdiedu dejjem aktar l-indikazzjonijiet ta’ attakki brutali kontinwi fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna.
//= $special ?>