“Robert Abela m’għandu l-ebda rispett lejk, m’għandu l-ebda valuri, u żgur ma jinteressahx minnek.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt il-programm Analiżi fuq Net Television meta kien qed jitkellem dwar il-kwistjonijiet kollha li qamu fl-aħħar jiem u ġimgħat.
Bernard Grech tkellem dwar il-kawża kontra l-PBS li ntrebħet fil-Qorti mill-Partit Nazzjonalista, b’dikjarazzjoni ċara li l-PBS spiċċa qiegħed hemm mhux biex jagħti l-verità kollha iżda biex jiddefendi lil Robert Abela. Huwa qal li għalhekk il-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf hawn biex ikun it-tarka tal-poplu Malti kollu.
Intant, fl-aħħar jiem Bernard Grech iltaqa’ mal-ġenituri taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li qalulu kif huma jixtiequ biss li ssir ġustizzja ma’ binhom li miet taħt it-tifrik tal-bini ta’ kostruzzjoni f’Kordin. Huwa staqsa kif Robert Abela jista’ jibqa’ insensittiv quddiem din is-sitwazzjoni meta l-ġenituri qed jitolbu biss li ssir Inkjesta Pubblika sabiex verament toħroġ il-verità dwar dan il-każ ħalli ma nerġgħux naraw mewta traġika bħal din.
Bernard Grech fakkar kif il-ġustizzja f’pajjiżna hija falliment ieħor ta’ Robert Abela. Huwa qal kif in-nies qed jirrealizzaw kif in-nuqqas ta’ investiment fil-ġustizzja qed taffettwa direttament lill-poplu Malti, mhux biss fejn jidħlu l-flus iżda anke s-sigurtà tan-nies.
Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern Laburista kellu quddiemu diversi rapporti iżda għażel li jitfagħhom fuq l-ixkaffa.
Il-Kap tal-PN appella biex kull persuna ssemma’ leħinha ħalli jibgħat messaġġ ċar lil Robert Abela biex jifhem li ma jistax jibqa’ jagħmel li jrid.