Għaddiet aktar minn ġimgħa mid-deċiżjoni tal-Imħallef Francesco Depasquale li mhux biss annulla d-deal skandaluż tal-isptarijiet iżda ta ċamata lill-Gvern għall-mod kif sar il-ftehim mal-Vitals. Iżda sallum il-Pulizija għadhom ma interrogaw lil ħadd, b’sorsi mid-Depot jikkonfermawlna li ebda persuna għadha ma ssejħet mill-Kummissarju Angelo Gafa.
Fil-fatt, f’disat ijiem, ħadd mill-ismijiet kollha li ssir referenza għalihom f’sentenza ta’ 138 paġna għadhom ma ssejħu għal interrogazzjoni. Dan minkejja li hemm pressjoni kbira fuq il-Kummissarju tal-Pulizija minn numru ta’ “uffiċjali għolja” fil-Korp stess illi jridu li Gafa jmexxi b’mod immedjat fuq il-konklużjonijiet iebsin li ħarġu minn din is-sentenza tal-Imħallef Depasquale.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali annullat l-validità tal-ftehim ta’ €60 miljun li kien daħal għalih il-Gvern fl-2015 u li wassal biex it-tliet sptarijiet ġew privatizzati u mgħoddija lill-investituri barranin; ftehim li sa din is-sena kien saħansitra qabeż it-€80 miljun.
L-Imħallef Francesco Depasquale li sema’ l-każ kollu qal li minkejja nuqqasijiet kontinwi u lampanti, il-Gvern baqa’ ma għamel xejn biex dan il-kuntratt jiġi onorat skont l-obbligi li kien hemm marbuta miegħu. Għaldaqstant, id-deal ġie annullat mill-Qorti; bil-ftehim tal-privatizzazzjoni deskritt bħala “frowdulenti”.
Ebda tweġiba mill-Kummissarju tal-Pulizija
Wara din id-deċiżjoni li permezz tagħha Depasquale litteralment biċċer id-deal tal-Vitals, spikka is-skiet totali minn naħa ta’ Angelo Gafa’ illi baqa’ jaħrab anke id-domandi mibgħuta din il-ġimgħa minn Net News.
Il-mistoqsijiet ilhom li saru minn nhar l-Erbgħa. Iżda Gafa’ baqa’ ma wieġeb xejn. U kuntrarju għal dak li jiġri issoltu meta jsiru dawn it-tip ta’ mistoqsijiet, lanqas email li tikkonferma li waslu d-domandi ma ġiet mibgħuta minn naħa tad-Depot; bil-punti li tqajjmu fl-email jiġu kompletament injorati.
Fost l-oħrajn, stqasejna jekk wara dan id-digriet, il-Pulizija skattatx investigazzjoni iffukata esklussivament fuq dan id-deal tal-isptarijiet u jekk sejjaħx lill-Prim Ministru Robert Abela – li kien konsulent fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat – jew lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li llum huwa Deputat Prim Ministru.

Saqsejna wkoll jekk il-Pulizija sejħux lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, jekk sejjaħtux lill-eks Ministru Konrad Mizzi, u lid-Diretturi ta’ Steward f’pajjiżna. U jekk iva, meta seħħ dan – speċjalment issa li hemm digriet skjaċċanti minn naħa tal-Qorti stess illi fih jissemmew persuni pubbliċi b’isimhom.
Angelo Gafa ma weġibx jekk interrogax fl-aħħar sigħat lil dawk li kienu diretturi tal-Vitals (VGH) u jekk il-Pulizija tafx kemm huwa l-ammont ta’ flus li ġew frodati b’dan il-kuntratt.
Il-Kummissarju ħarab ukoll id-domanda jekk il-Pulizija kinitx diġa’ attivament qed tinvestiga dan id-deal tal-isptarijiet.
Mistoqsija oħra kienet jekk l-investigazzjoni dwar il-VGH ilha li bdiet, meta inbdiet eżattament u x’sar s’issa.
Iżda Gafa’ ma wieġeb għall-ebda waħda minn dawn id-domandi; lanqas jekk il-Pulizija interrogat lill-membri l-oħra tal-Kabinett li kienu Ministri fi żmien meta Joseph Muscat kien Prim Ministru. Ħafna minn dawn għadhom spalla ma’ spalla ma’ Robert Abela fil-Kabinett preżenti.
Kurjuż il-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizija lanqas biss wieġeb għal mistoqsija sempliċi jekk hu personalment qarax is-sentenza tal-Imħallef Depasquale. Anke’ hawn, skiet assolut minn Angelo Gafa’.
