Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Tkompli l-kwistjoni dwar il-Gżejjer Falklands, b’Londra mhix se ċċedi għall-istatus quo

Ir-Renju Unit qed jagħmilha ċara ‘aktar minn qatt qabel’ li l-Gżejjer Falklands ‘kienu, għadhom u se jibqgħu’ taħt is-sovranità tal-Britanniċi –bl-istqarrija tingħata ftit jiem wara li l-Arġentina kisret ftehim għal kooperazzjoni ma’ Londra.

Fil-fatt, il-Gvern fi Buenos Aires, mill-ġdid, qed iqajjem l-issue tas-sovranità tal-Falklands ( li l-Arġentini jirreferu għalihom bħala ‘Malvinas’) bħala intopp kbir fir-relazzjonijiet mal-Amministrazzjoni Britannika.

Fl-2016, ir-Renju Unit u l-Arġentina kienu ‘qablu biex ma jaqblux’ dwar din l-issue tas-sovranità, bil-ħsieb li jtejjbu r-relazzjonijiet bilaterali. Iżda l-Arġentina, issa, xoljiet mill-patt waqt li infurmat lill-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin. James Cleverly, li ‘il-kwistjoni ma waqfitx hawnhekk’.

Il-Gżejjer tal-Falklands – lejn il-Lbiċ tal-Oċean Atlantiku — kienu suġġetti għal gwerra qalila, fl-1982, meta l-Arġentina kienu bagħtu l-qawwiet biex jaħtfu l-kontroll tal-gżejjer fost l-insistenza dwar ‘il-jeddijiet territorjali tagħha’. Dan minkejja li talanqas 99 fil-mija tar-residenti tal-Falklands huma kburin bil-fatt li huma fost is-suġġetti tal-Kuruna Ingliża waqt li assolutament ma jridux jibdlu l-istatus quo.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Cleverly qal li l-Falklands huma territorji tal-Britanniċi u li r-residenti għandhom id-dritt kollu li jiddeċiedu l-futur tagħhom. Hu fakkar ukoll li dawn in-nies għażlu, bla tlaqliq, li jibqgħu magħrufin bħala UK Overseas Territory bid-dritt  għall-awto-determinazzjoni.

Iżda l-Ministru Arġentin għall-Affarijiet Barranin, Santiago Cafiero, għamilha ċara ma’ Cleverly ( waqt l-aħħar summit tal-G20 fl-Indja) li  pajjiżu jrid it-taħditiet ġodda dwar is-sovranità tal-Falklands — bil-Gvern Britanniku jirreaġġixxi bil-kumment li ‘jinsab iddiżappuntat bil-pożizzjoni ta’ Buenos Aires’.

L-Arġentina, fl-1982, kienet invadiet il-Falklands bħala parti mill-‘insistenza’ li hi kienet wirtet il-gżejjer mingħand Spanja wara l-1800. Il-konflitt mal-qawwiet Britanniċi kien dam għal 74 jum – b’655 truppi Arġentini u 255 suldat Britanniku jmutu fil-ġlied sakemm il-qawwiet tar-Renju Unit ħadu lura l-kontroll tal-Falklands fl-14 ta’ Ġunju tal-1982.