Numru sinifikanti ta’ pajjiżi firmatarji, fl-aħħar sigħat laħqu ftehim storiku biex jipproteġu l-oċeani tad-dinja wara għaxar snin ta’ negozjati kumplikati u fit-tul.
It-Trattat – magħruf bħala High Seas Treaty – jaħseb biex madwar 30 fil-mija tal-ibħra jkunu rispettati bħala zoni protetti sal-2030, dejjem bl-iskop li l-pajjiżi jissalvagwardaw in-natura marittima filwaqt li jħalluha tiżviluppa mingħajr theddida.
Il-ftehim intlaħaq wara l-aħħar sessjoni tat-taħditiet li damet għal 38 siegħa fil-kwartieri-ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York u wara li n-negozjati kienu ilhom staġnati għal snin minħabba diżgwid dwar finanzjament u d-drittijiet tas-sajd.
L-aħħar ftehim internazzjonali għall-protezzjoni tal-oċeani kien iffirmat 40 sena ilu fl-1982 u kien jismu l-UN Convention on the Law of the Sea.
Dak il-ftehim kien waqqaf zona ta’ baħar internazzjonali fejn il-pajjiżi kollha kellhom id-dritt li jibgħatu l-vapuri, minbarra li jeżerċitaw id-drittijiet għas-sajd u għal riċerka.
Madankollu, 1.2 fil-mija biss ta’ dawn iz-zoni ta’ baħar kienu, fil-fatt, protetti. Dan ukoll meta l-ħajja marittima ‘il hinn mill-imsejħa zoni protetti ilha żmien taħt theddida mill-bidliet fil-klima, it-traffiku konsistenti tal-vapuri kif ukoll mis-sajd ‘eżaġerat’ li qed jipperikola diversi speċi ta’ ħut.
Skont l-aħħar evalwazzjoni globali tal-ispeċi tal-baħar instab li madwar għaxra fil-mija ta’ dawn l-ispeċi kapaċi jispiċċaw estenti jekk kemm-il darba jkomplu ċerti prattiċi u abbużi. Dan ħareġ mill-istudju tal-International Union for Conservation of Nature (IUCN).
Sadanittant, minn issa ‘il quddiem – u permezz tat-trattat storiku — se jkunu stabbiliti l-limiti għas-sajd fiz-zoni l-ġodda għall-protezzjoni tal-ħajja marittima. It-trattat anki jimponi limitazzjonijiet għar-rotot tal-bastimenti f’dawk iz-zoni kif ukoll għal attivitajiet ta’ esplorazzjoni bħal deep sea mining; jew aħjar l-prattika biex jittellgħu l-minerali mill-fond tal-baħar.
//= $special ?>