Internazzjonali

Wara t-traġedja fil-Greċja: Il-Prim Ministru jitlob apoloġija fost il-protesti

Il-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis, talab maħfra lill-familji tas-57 persuna li mietu waqt ħabta, jiem ilu, ta’ żewġ ferroviji li kienu qed jivvjaġġaw f’direzzjonijiet opposti u li spiċċaw fuq l-istess binarju b’riżultati traġiċi.

Filwaqt li l-inċident issemma bħala  ‘żball uman’ ħafna Griegi qed iwaħħlu fl-awtoritajiet talli ilhom jinjoraw is-sitwazzjoni inaċċettabbli tan-network tal-ferroviji fost l-insistenza li t-traġedja setgħet kienet evitata bi ftit aktar ‘serjetà’.

Fil-messaġġ tiegħu, Mitsotakis qal li ‘ma jistax ikun li żewġ ferroviji jispiċċaw fuq l-istess binarji huma u jivvjaġġaw f’direzzjonijiet differenti’ – bil-protesti tal-Griegi mgħaddbin dwar l-inċident qegħdin ikomplu, fost inċidenti ta’ ġlied ġodda bejn eluf ta’ dimostranti u l-Pulizija f’Ateni

F’dawn l-inċidenti, id-dimostranti qabbdu n-nirien u waddbu l-bombi tal-petrol, bil-pulizija, imbagħad, ikeċċu lill-folol mill-Pjazza ta’ Syntagma, fiċ-ċentru ta’ Ateni.

Intant, id-dimostranti anki tellgħu l-mijiet tal-bżieżaq suwed bħala ġest ta’ tifkira tal-mejtin fil-ħabta tal-ferroviji; b’uħud min-nies ixejjru t-tabelluni bl-islogans kontra ‘il-Gvernijiet li ma jirrispettawx il-ħajja’.