Lokali Qorti

41 xahar ħabs fuq serq erba’ karozzi, waħda klassika u li sar reċediv

Libjan li l-ġimgħa l-oħra ammetta li seraq karozza klassika u għamara minn residenza, kif ukoll li seraq tliet vetturi oħra minn showroom ġie kundannat 41 xahar ħabs. Abdulsalam Salem Ben Hamed ta’ 50 sena kien ammetta quddiem il-maġistrat Gabriella Vella, akkużat b’serq aggravat ta’ għamara u Morris Minor klassika minn villa fl-Imsida f’Jannar.

Ammetta li seraq l-oġġetti minn villa li tinsab fi Triq Esperanto u l-karozza Morris Minor għad-dannu ta’ koppja, liema serqa seħħet bejn is-7 u s-17 ta’ Jannar bil-valur jeċċedi €2,329.37ċ. Ben Hamed li m’għandux indirizz fiss kien ammetta wkoll b’serq aggravat ta’ tliet karozzi minn showroom fil-Ħamrun, fi Frar.

Is-serq tat-tliet karozzi seħħ fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Frar li għadda liema karozzi kienu tal-għamla Peugeot mix-showroom ta’ fejn jinbiegħu dawn il-karozzi li jinsab fi Triq Nazzjonali, l-Ħamrun, liema karozzi jiswew eluf konsiderevoli ta’ ewro.

Ir-raġel wieġeb ħati ta’ dawn l-akkużi, u oħrajn relatati ma’ ksur ta’ ordni ta’ probation u reċediv. Il-Maġistrat Gabriella Vella ikkundannat lir-raġel 28 xahar ħabs fuq is-serq tal-karozzi u li sar reċediv u 13-il xahar ħabs oġra fuq ksur ta’ ordni ta’ probation.

Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati fil-konfront ta’ l-imputat u li ammetta dwarhom u l-fedina penali tiegħu, iżda ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt li rreġistra ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri u li parti mill-oġġetti misruqa ġew ritornati lill-proprjetarji tagħhom. Huwa kien inżamm arrestat sa l-għoti tas-sentenza, L-Ispettur Jeffrey Scicluna mexxa l-Prosekuzzjoni. L-Avukat Josette Sultana kienet l-avukat difensur.