Lokali

Attivisti tal-Moviment Graffitti jwaħħlu kartelluni ftit jiem qabel il-protesta tat-8 ta’ Marzu għal Jum il-Mara

Attivisti waħħlu kartelluni jsejħu għall-ġustizzja f’każi ta’ vjolenza fuq in-nisa mal-binja tal-Ministeru għall-Intern qabel il-protesta ta’ nhar l-Erbgħa li ġej.

Il-kartelluni juru vittmi tal-vjolenza domestika matul is-sena li għaddiet kif ukoll messaġġi bħal ‘Għejejna u xbajna’ u ‘Justice delayed is justice denied’.

Matul is-snin rajna nuqqas ta’ azzjoni mill-pulizija li setgħet evitat reati serji bħall-vjolenza domestika u anki femiċidji, nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ koordinazzjoni bħal ma rajna fil-każ ta’ Bernice Cilia.

Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri u l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard ilhom ħafna jwiegħedu li se jimplimentaw ir-riformi meħtieġa u li se jżidu r-riżorsi, imma dan fil-fatt baqgħu m’għamluhx.  
It-tema għall-protesta ta’ din is-sena, għall-Jum Internazzjonali tal-Mara hija: Nisa magħqudin għax mill-ġustizzja mċaħħdin.

Din it-tema ġiet magħżula minħabba l-ħafna inġustizzji li n-nisa fis-soċjetà iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum speċjalment meta jfittxu l-ġustizzja fl-istituzzjonijiet tagħna. Matul ix-xhur li għaddew rajna sentenzi u deċiżjonijiet bla sens mill-qrati tagħna, snin twal ta’ stennija biex tittieħed azzjoni biex issir ġustizzja – bħal ma rajna fil-każ ta’ Sion Grech. Rajna wkoll sitwazzjonijiet fejn il-vittma minflok ġiet protetta, taw it-tort lilha, bħal ma rajna fil-każ ta’ Andrea Prudente fejn saru ħafna akkużi bla bażi.

Huwa ċar li s-sistema tal-ġustizzja hija fil-fatt sistema inġusta għan-nisa. In-nisa jesperjenzaw l-inġustizzja minħabba l-inugwaljanza li teżisti fis-soċjetà patrijarkali li ngħixu fiha.

Il-marċ se jsir nhar l-Erbgħa li ġej, it-8 ta’ Marzu fil-5:30 ta’ filgħaxija. Niltaqgħu fejn il-Funtana tat-Tritoni, il-Furjana minn fejn se jitlaq il-marċ biex insemmgħu leħinna u nesprimu r-rabja tagħna lejn dawn l-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex jipproteġuna u biex nisħqu li l-vuċi tagħna tkun mismugħa. Il-marċ jintemm quddiem il-qorti.

Kulħadd huwa mistieden biex jingħaqad magħna u biex iġib placards b’messaġġi biex nesiġu li ssir ġustizzja.
Il-protesta hija organizzata mill-Moviment Graffitti, flimkien ma’ MGRM, Doctors for Choice, Women’s Rights Foundation u Young Progressive Beings.  

Dawn l-organizzazzjonijiet qed jappoġjaw il-marċ:

aditus, Malta Women’s Lobby, Merħba Bik, Women for Women, YMCA, Migrant Women Association Malta, Integra, ARC, IVY, Dance Beyond Borders, Allejanza Kontra l-Faqar, MAWB, Men Against Violence, Għajjejt u Xbajt.