Il-Kap tal-PN Bernard Grech it-Tnejn filgħodu laqa’ fl-Uffiċċju tiegħu l-band The Busker; il-grupp mużikali li se jkun qed jirrapreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest li se jittella’ f’Liverpool permezz tal-kanzunetta ‘Dance – Our Own Party’.
Matul din il-laqgħa, il-Kap tal-PN qal illi hu jammira l-umiltà ta’ din il-band u li waqt li jagħtu l-ispettaklu tidher is-simpatija tal-mużiċisti li tiġbed ukoll is-simpatija tal-pubbliku lejhom.
Bernard Grech awguralhom li jkollhom aktar suċċess fil-futur qarib, speċjalment fil-Eurovision. Dan filwaqt li faħħar ukoll l-identità unika tal-band li ma tiddejjaqx tkun awtentika u oriġinali.
Min-naħa tagħhom il-grupp ta’ The Busker qalu li fil-jiem li ġejjin għandu joħroġ il-music video tal-kanzunetta. Dan filwaqt li se jkunu qed imorru tours f’pajjiżi diversi inkluż, fl-Olanda, fi Spanja, ir-Renju Unit u f’Iżrael.
Intant tul il-laqgħa, il-grupp The Busker preżenta tifkira lill-Kap tal-PN, simbolu tal-band u fuq kollox il-flokk li liebes il-kantant, David Meilak. Fil-Malta Eurovision Song Contest The Busker kienu kisbu l-aktar punti mogħtija mill-vot tal-pubbliku sabiex b’kollox irnexxilhom jiksbu 121 punt.
//= $special ?>