Ħamrun Spartans jistgħu jirbħu l-Kampjonat nhar is-Sibt dan wara li fi tmiem il-ġimgħa huwa komplew għaddejjin bir-rebħ wara li għelbu lit-tim fil-forma ta’ Mosta bl-iskor ta’ 2-1. Dan jista jseħħ peress li t-timijiet ta’ warajhom, it-tnejn li huma waqqgħu l-punti biex b’hekk din ir-rebħa swiet aktar milli mistenni. Draw kontra Gżira United nhar is-Sibt li ġej ifisser li Ħamrun Spartans isiru matematikament Champions għad-disa’ darba fl-istorja. L-Ispartans kienu ġejjin mid-diżappunt tal-eliminazzjoni mill-FA Trophy iżda mill-ewwel għamlu l-intenzjonijiet ċari biex wara biss sitt minuti huma marru fil-vantaġġ. Minkejja li kontra Mosta ma’ kienetx xi logħba faċli iżda xorta waħda l-Ispartans ħadu dak li riedu minn din il-partita diffiċli. Issa jistennew u jittamaw li nhar is-Sibt li ġej jakkwistaw dak il-punt biex ikunu jistgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet spontanji fi Strada Rjali.
Wara t-telfa u l-eliminazzjoni kontra Marsaxlokk fl-Izibet FA Trophy, Hibernians irritornaw għar-rebħ dan wara li huma għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 4-1. Kienet wirja dominanti mit-tim immexxi minn Silvio Vella fejn ma’ taw ebda ċans lill-avversarji tagħhom. Fil-fatt strumentali kien Jurgen Degabriele li skorja nofs il-gowls tat-tim tiegħu u wieħed isbaħ mill-ieħor. Rebħa li swiet aktar mis-soltu dan għaliex kemm Gżira United kif ukoll Birkirkara naqsu li jieħdu l-punti massimi mil-logħbiet rispettivi tagħhom biex il-Pawlisti kien l-aktar li gwadanjaw fit-taqtiegħa għal post fl-Ewropa. Għal Gudja kienet telfa xi ftit ġoffa imma ftit kien haqqhom aħjar. Nofs il-klassifika għalihom huwa post komdu ħafna.

Wara r-rebħa fit-Trophy kontra Ħamrun Spartans, wieħed kien qed jistenna xi ħaġa aktar minn Birkirkara hekk kif huma affaċċjaw lil Marsaxlokk. L-Istripes kienu dominanti , b’mod partikolari fl-ewwel taqsima iżda naqsu li jkunu effettivi fl-attakki tagħhom. Fil-fatt kellu jkun penalty skurjat fit-tieni taqsima li salva r-riżultat għal Birkirkara hekk kif Enzo Cabrera mill-ħdax il-metru ma’ żbaljax. Aguilar kien pedina fundametali għax-Xlukkajri hekk kif huwa waqqaf diversi azzjonijiet offensivi tal-avversarji. Punt ieħor importanti għal M’Xlokk fejn issa d-distakk minn ma’ Żebbuġ Rangers huwa ta’ seba’ punti. Vantaġġ komdu li jista jwassal li M’Xlokk ikunu għal sena oħra fil-Kampjonat Premier.

Gowl f’kull taqsima skurjat minn Kyrian Nwoko wasslu għal rebħa minn Santa Lucia kontra t-tim tal-qiegħ Pietà Hotspurs. Rebħa li tiswa mitqlu deheb għas-Saints fit-tentattiv li huma jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier. Dan minkejja li huma għamlu parti kbira mit-tieni taqsima bi players anqas hekk kif fl-azzjoni tal-penalty tal-avversarji tagħhom tkeċċa Rodolfo Soares. Iżda s-Saints xorta baqgħu jemmnu biex kisbu l-punti massimi u issa jinsabu tlett punti biss taħt Żebbuġ Rangers. It-taqtiegħa kontra r-relegation ser tkun bejn ir-Rangers u s-Saints min minnhom ser jevita t-tlettax il-post. Mill-banda l-oħra diżappunt ieħor għal Pieta fejn dan kien pjuttost l-aħħar ċans għalihom li jistgħu jibqgħu jemmnu fis-salvazzjoni.

Sirens resqu pass eqreb lejn is-salvazzjoni dan wara li nhar is-Sibt li għadda huma għelbu lil Żebbuġ Rangers bl-iskor ta’ 1-0. Din kienet logħba diretta peress li ħames punti biss kienu jifirdu lill-protagonisti ta’ din il-partita. It-tim minn San Pawl il-Baħar ried li jirbaħ din il-partita biex prattikament jitbiegħed miż-żona l-ħamra. U hekk irnexxielu jagħmel biex issa huma jinsabu tmien punti fuq l-istess Żebbuġ Rangers. Sirens kienu l-aħjar tim tul id-disgħin minuta fejn kienu huma li ħolqu l-aħjar ċansijiet ta’skor. Bil-kowċ tagħhom Winston Muscat iwettaq tlett bidliet mill-aħħar partita hekk kif Kei Sano, Gary Camilleri u Vaikanah bdew mal-ewwel ħdax. Għal Żebbuġ żgur li nħass ħafna n-nuqqas ta’ Randall Vella li minkejja t-telfa xorta jkomplu jemmnu li jistgħu jsalvaw.
Wara kważi xahrejn mingħajr rebħa, Valletta kisbu tlett punti oħra biex saħħew il-pożizzjoni tagħhom f’nofs il-klassifika dan wara li huma għelbu lil Gżira United bl-iskor ta’ 2-1. Valletta kellhom in-nuqqas ta’ Sala u Niltinho għal din il-partita importanti filwaqt li daqqa ta’ ħarta għal Gżira kien in-nuqqas ta’ Gabriel Mentz fil-qalba tad-difiża hekk kif dan weġġa waqt il-warm up tal-partita. Din it-telfa kienet daqqa ta’ ħarta għal Gżira United fit-tentattiv li jżommu mat-tieni post tal-klassifika. Huma għadhom hemm imma bħal dell warajhom hemm Birkirkara, Hibernians u Balzan. U tlett punti biss jifirdu lil dawn l-erba’ timijiet. Tassew taqtiegħa nteressanti sat-tmiem għall-postijiet fl-Ewropa. Tpatti xi ftit għan-nuqqas ta’ sfida fir-rebħ tal-Kampjonat.

Ikompli l-mument maġiku ta’ Balzan dan hekk kif huma għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 3-1. Għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri din kienet is-seba’ rebħa mill-aħħar tmien logħbiet. Rebħa u tlett punti li bihom ikomplu jemmnu li jistgħu jirritornaw fl-Ewropa. Il-kowċ ta’ Balzan beda b’Ivan Bozovic u Bojan Kaljevic flok Satariano u Raso rispettivament. Kienet wirja kolletiva tajba minn Balzan bl-avversarji tagħhom jonqsu li jidħlu fil-partita. Għall-Greens, li kienu ġejjin minn draw kontra Gżira United, kien hemm ir-ritorn ta’ diversi players fosthom De Grazia, Busuttil, Garzia u Garcia. Għal Floriana dan l-istaġun huwa prattikament magħluq fejn ikun għaqli li kieku jibdew jagħtu ftit esperjenza lill-players żgħażagħ tagħhom.

INNUTAJNA
LI l-Bord tal-protesti tal-MFA ma’ laqax it-talba ta’ Mosta dwar l-eliġibiltà tal-player Brażiljan Niltinho. Huwa mifhum li minkejja li vera l-player lagħab ma’ tlett klabbs, imma minħabba t-terminu ta’ meta jibda u jispiċċa l-kampjonat dan jiġi ineffettiv. B’hekk ma’ kien hemm ebda bdil fil-klassifika
LI t-tim tan-Nisa ta’ Birkirkara jinsab aktar viċin li jirbaħ il-Kampjonat dan wara li f’konfront dirett huma għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 1-0.
LI jkompli l-mument tajjeb ta’ Haley Bugeja dan wara li hi skurjat gowl fir-rebħa li t-tim tagħha Orlando Pride kiseb bl-iskor ta’ 2-0 kontra UCF Women. Din kienet logħba bi preparazzjoni għall-istaġun li ġej
//= $special ?>