Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ma laqgħetx talba tal-kumpanija African Eagle Import Export Limited biex il-Bank of Valletta ireġġa lura d-deċiżjoni tiegħu wara li għalaq kont bankarju tal-kumpanija. L-Imħallef Christian Falzon Scerri ma laqgħax it-talba li ppreżenta Mohammed Hanif, bħala Direttur tal-kumpanija li kellha liċenzja biex tagħti s-servizzi ta’ ‘money remittance.’
Minn dak li ħareġ fil-Qorti rriżulta li klijenti tal-kumpanija, li kienu qegħdin jibagħtu l-flus barra minn Malta, kienu ġejjin minn ġurisdizzjonijiet li mhumiex ta’ fama tajba, fosthom minn pajjiżi Afrikani u l-Filippini, u għalhekk kien jeħtieġ li ssirilhom diliġenza dovuta aktar imsaħħa – ħaġa li ma kinitx qiegħda ssir mill-kumpanija.
“Money remittance” ifisser fost affarijiet oħra li kwalunkwe tip ta’ trasferiment monetarju, l-aktar meta xi ħadd jibgħat flus f’pajjiż ieħor. Bħala eżempju, xi ħadd ikun jista’ jibgħat fondi lill-familja tiegħu barra l-pajjiż, kemm jekk bħala rigal jew proċeduri oħra.
Kunċett ieħor huwa meta xi ħadd imur barra minn pajjiżu għax-xogħol li jkun qed tfittex mod faċli biex jappoġġja finanzjarjament lill-maħbubin lura d-dar, ‘money remittance’, huwa trasferiment ta’ flus bejn żewġ gruppi, kemm jekk nies, kumpaniji jew dawk li jħallsu l-kontijiet. Huwa terminu normalment assoċjat ma’ ħaddiema li jibagħtu l-flus lura lill-familja tagħhom minn barra l-pajjiż.
Il-BOV qal fil-kawża li mhux aċċettabbli għalih li jsiru traferimenti ta’ dan it-tip għaliex fil-fehma tiegħu, l-proċeduri nterni mħaddma mill-kumpanija African Eagle Import Export Limited u minħabba li biex hi tilqa’ għar-reat ta’ ħasil ta’ flus, il-miżuri kienu x’aktarx zoppi, u b’hekk dawn kienu qegħdin jitfgħu riskju żejjed fuqu.
Il-Qorti qalet li tqis li l-bank kellu d-dmir li jiżgura li fin-negozju tagħha ta’ ‘money remitter’, il-klijenta tiegħu, jiġifieri African Eagle Import Export Limited, kienet qiegħda twettaq transazzjonijiet li kienu jaqgħu fil-profil tar-riskju tiegħu. Skont l-aġent direttur tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja, Alfred Żammit, huwa f’idejn il-bank li jagħżel x’tagħrif għandu jitlob mingħand il-klijenti tiegħu u li bih huwa jkun sodisfatt li fil-kontijiet miżmuma għandu ma jkunx rikavat mill-kriminalità.
Tassew, bank li jkun qiegħed iżomm miftuħ għandu kont f’isem negozju ta’ ‘money remittance’ irid joqgħod b’seba’ għajnejh li l-flus li jidħlu f’dan il-kont ma jkunx ġejjin minn xi reat. Il-Qorti qalet ukoll li wieħed ma jridx jinsa li l-flus kontanti li jkun qiegħed jirċievi negozju bħal dan jaqgħu direttament fil-paragrafi (b) u (ċ) tat-tifsira ta’ proprjetà li tista’ tiġi konvertita, trasferita jew miżmuma għall-għanijiet ta’ ħasil ta’ flus, kif misjuba fl-artikolu 2 tal-Kap. 373 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Il-Bank kellu l-obbligu jivverifika l-identità tal-klijenti
Għalhekk f’każ bħal dan, il-bank għandu l-obbligu li jiżgura, li kemm hu u kif ukoll il-klijent tiegħu li jkun qiegħed imexxi n-negozju ta’ ‘money remittance’, iwettqu id-diliġenza dovuta meħtieġa, billi jitolbu u jivverifikaw l-identità tal-klijenti u tas-sidien benefiċċjarji li jkun qegħdin jagħmlu u jirċievu d-depożiti.
Minbarra dan, bank għandu wkoll id-dmir li jwettaq indokrar kontinwu tar-relazzjoni kummerċjali mal-klijent tiegħu. Dan l-indokrar għandu jsir billi jsir għarbiel tal-operazzjonijiet li jitwettqu fil-kors tar-relazzjoni biex jiġi żgurat li dawn l-operazzjonijiet ikunu konsistenti mal-għarfien li bank ikollu tal-klijent tiegħu u tal-profil kummerċjali u tar-riskju tiegħu, inkluż billi meta jkun meħtieġ, jintalab is-sors tal-fondi.
Dan ifisser li bank għandu kull dritt li huwa jitlob mingħand il-klijent tiegħu s-sors ta’ minn fejn huma ġejjin il-flus li jiġu depożitati fil-kontijiet miżmuma minnu. F’dan il-każ, il-kumpannija African Eagle Import Export Limited kellha d-dmir li tiżgura li s-sors minn fejn il-klijenti tagħha kienu qegħdin jiksbu l-flus kontanti li jiddepożitaw magħha, kien wieħed leġittimu.
Il-Qorti qalet li l-kumpanija setgħet imqar titlob lill-klijenti tagħha biex jipprovdulha l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom sabiex hija tkun tista’ tiżgura li l-ammonti ta’ flus kontanti depożitati minnhom ikunu jagħmlu sens, meta mqabbla mal-qligħ li l-istess klijenti kienu qegħdin jagħmlu kull xahar.
Madankollu, huwa evidenti li din il-kumpanija ma kienet qiegħda tagħmel xejn minn dan, bi ksur ċar tal-obbligi regolatorji tagħha u b’riskju ta’ ħsara kbira lill-bank. Skont il-bank, meta huwa kien qiegħed iwettaq għarbiel tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta mħaddma mill-kumpannija African Eagle Import Export Limited, huwa kien talabha biex tipprovdilu s-sors tal-flejjes li kienu qegħdin jiġu depożitati għandu, iżda din ma kinitx f’qagħda li tgħaddilu dan it-tagħrif.
Nuqqas ta’ tagħrif mill-kumpanija
Kemm hu hekk, għalkemm matul is-smigħ tal-kawża, Mohammed Hanif obbliga ruħu li jġib it-tagħrif li kien qiegħed jitlob il-bank, fosthom dwar is-sors tal-flejjes u dwar min kienu l-benefiċċjarji tal-flus, huwa stqarr li t-tagħrif li kellu kien biss dwar min kien qiegħed jiddepożita l-flus u d-dokument ta’ identità ta’ dawn il-persuni.
Dan kollu juri li African Eagle Import Export Limited kienet qiegħda tonqos fi dmirijietha bħala persuna suġġetta. Dawn l-obbligi llum huma riflessi fil-liġi. Fuq kollox, il-Qorti jirriżultalha li l-klijenti ta’ din il-kumpanija, li kienu qegħdin jibagħtu lflus barra minn Malta, tabilħaqq kienu ġejjin minn ġurisdizzjonijiet li mhumiex ta’ fama tajba.
Kemm hu hekk, kien Mohammed Hanif stess li stqarr li ħafna mill-flus li għaddew fil-kont bankarju kienu ġejjin minn persuni li huma mill-Filippini u minn pajjiżi oħra fl-Afrika. Tfiftixa fuq is-sit elettroniku tal-Financial Action Task Force turik li l-Filippini, flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi oħra fl-Afrika, huma wħud mill-pajjiżi li ilhom sa mis-sena 2010 meqjusa bħala ta’ riskju għas-sistema finanzjarja internazzjonali.
Il-Qorti qalet li Mohammed Hanif ma jistax jippretendi li l-interess tiegħu li jagħmel qligħ min negozju tiegħu għandu jirbaħ fuq l-interessi tal-kotra li r-reat ta’ ħasil ta’ flus jiġi mxekkel. Il-Qorti temmet tgħid li bil-provi li nġabu fil-kawża, Hanif huwa konxju ta’ x’kienet ir-raġuni wara d-deċiżjoni tal-bank li jagħlaq l-imsemmi kont bankarju.
Għalhekk, fid-dawl ta’ dan kollu, l-istess Qorti qalet li ma ssibx li l-bank naqas meta huwa ddeċieda li jagħlaq il-kont bankarju li kienet tuża’ l-kumpannija African Eagle Import Export Limited għall-għanijiet ta’ negozju tagħha ta’ ‘money remittance’. B’konsegwenza t’hekk it-talbiet kollha tal-kumpanija, nkluż dawk fejn qed titlob il-ħlas ta’ danni mingħand il-bank, qegħdin jiġu miċħuda.
//= $special ?>