“Il-poplu qed ibati bin-nuqqas ta’ infermieri, il-Gvern huwa konxju tal-problema, u bħalissa hemm infermieri li lanqas biss jistgħu jieħdu leave.”
Hekk stqarr il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel f’kummenti lil Net News hekk kif qasam magħna l-isfidi kbar li qed jaffaċja dan is-settur.
Paul Pace tenna li l-poplu qed ibati minħabba n-nuqqas ta’ infermieri. U spjega illi kieku n-nurses ma jidħlux jagħmlu overtime, kieku lanqas isiru l-operazzjonijiet.
Is-Sibt li għadda Paul Pace saħaq li l-Gvern sab flus għal Steward, iżda qed juri biċ-ċar għall-infermieri m’għandux flus.
Tul din il-ġimgħa l-MUMN se tkun qed issejjaħ azzjonijiet industrijali wara li l-Gvern ikkonferma mal-union li mhemmx aktar flus għall-infermieri. Dan fid-dawl tal-ftehim settorjali li qed jiġi negozjat bħalissa.
Xhur ilu, l-MUMN kienet preżentat dokument dettaljat ta’ 37 paġna lill-Gvern bil-proposti tagħha biex jissaħħaħ is-settur tas-saħħa u biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-infermieri.
Ir-risposta tal-Gvern iżda qed tkun deskritta bħala waħda xotta hekk kif it-tweġiba kienet tikkonsosti biss fi ftit paragrafi miġbura f’żewġ paġni, bil-Gvern jgħid li issa m’għandux flus għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.
//= $special ?>