Lokali Parlament

Illum il-gvern se jaħtaf istituzzjoni oħra

Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal fil-paarlment li l-gvern xekkel bil-kbir il-mod kif jaħdem l-Uffiċċju tal-Ombudsman u sostna li llum il-gvern se jaħtaf istituzzjoni oħra.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-ħatra tal-Imħallef Joe Zammit Mc Keon bħala Ombudsman, Chris Said qal li għall-ewwel darba l-Ombudsman qed jinħatar sentejn tard għax il-gvern dam sentejn biex waħda mill-istituzzjonijiet importanti tal-pajjiż ma tkunx tista’ taħdem. L-Oppożizzjoni ilha li qablet fuq Zammit Mc Keon sentejn iżda l-gvern ried jorbotha mal-kariga tal-Kummissarju għall-Istandards.

Chris Said qal li qatt ma kien hemm diffikultajiet biex jimtlew dawn il-karigi u kompla li l-Gvern qed juża din il-mozzjoni beix tgħaddi tiegħu fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards. Hu sostna li l-Ombudmsan hi kariga importanti u tarka għaċ-ċittadini u kompla li dejjem kien hemm maturità politika biex jinħatar Ombudsman bi qbil.

Id-deputat Nazzjonalista qal li minkejja diffikultajiet dejjem kien hemm qbil kemm fuq l-Ombudsman kif ukoll fuq l-Awditur u d-Deputat Awditur Ġenerali. Hu kompla li l-Ombudsman kellu jmur il-qorti għax il-gvern Laburista baqa’ lura li jgħaddi informazzjoni li kien qed jitlob l-Ombudsman. Dan seħħ fil-promozzjonijiet tal-Forzi Armati.

Chris Said kompla li l-gvern irrfjuta l-proposta tal-Oppożizzjoni biex dawk ir-rapporti tal-Ombudsman li l-gvern jagħżel li ma jattwax jmorru quddiem kumitat parlamentari biex ikunu diskussi biex il-gvern jagħtu r-raġunijiet għaliex ir-rakkomandazzjonijiet ma jkunux attwati. Dan biex dan l-Uffiċċju jkun effettiv.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li inulti ċ-ċittadin jingħata raġun jekk il-gvern ma jimplimentx id-deċiżjonijiet tal-Ombudsman. L-Oppożizzjoni temmen dan il-mekkaniżmu jagħti iktar saħħa lill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

B’deċiżjoni tal-Prim Ministru, il-parlament se jivvota għat-tielet darba għall-Kummissarju tal-Istandards. Il-Gvern se jkun qed jaħtaf istituzzjoni oħra taħt idejh, sostna Chris Said, li kompla li l-gvern Laburista tilef il-mertu meta ħatar il-Kummissarju tal-Istandards bil-mod kif qed jaħtru issa.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern irid jassigura li ma jkunx imbarazzat u għalhekk irid jaħtar Kummissarju għal-Istandards li jrid hu. Din hi ġurnata sewda għad-demokrazija għaliex il-gvern qed jaħtaf l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards.