Internazzjonali

IL-Gwerra fl-Ukrajna: Sinjali ta’ irtirar minn Bakhmut, iżda d-disfatti għar-Russi qed ikomplu

L-indikazzjonijiet mill-battalja għal Bakhmut li ilha għaddejja min-nofs is-sena l-oħra qegħdin juru li l-qawwiet Ukreni setgħu bdew diġà l-ewwel fażi ta’ irtirar organizzat minn din il-belt.

Dan bil-ħsieb li ċ-ċivili f’din il-belt ma jibqgħux suġġetti għall-bumbardamenti bla heda tat-truppi Russi fis-subborgi u l-madwar iżda kollox għadu miftuħ għal kwalunkwe possibbiltà.

Madankollu, ir-Russi qed ikomplu jitilfu l-għexieren tas-suldati, bil-militar Ukren xorta qed iġiegħel lill-Armata tal-Kremlin tħallas prezz iebes ħafna waqt li r-reżistenza qed tkompli anki minn zoni ġodda ftit ‘il hinn minn Bakhmut,

Il-belt ta’ Bakhmut għalissa għadha ma waqgħetx lir-Russi li anki qegħdin ibatu minn nuqqas ta’ munizzjon f’sitwazzjoni pjuttost inkwetanti għal Moska.

Kien l-Institute for the Study of War (l-ISW tal-Istati Uniti) li rrefera għas-sinjali li l-qawwiet Ukreni jistgħu qed iwettqu irtirar strateġiku minn Bakhmut, huma u qegħdin jiġġieldu kontra r-Russi.

Din l-entità għal riċerka kompliet li l-militar Russu f’Bakhmut qed jiddependi dejjem aktar mill-grupp Wagner tal-merċenarji biex jikseb suċċess rari f’din il-gwerra wara numru sinifikanti ta’ diżastri militari.

Il-merċenarji, immexxija minn Yevgeny Prigozhin, huma meqjusa bħala l-Armata Privata tal-President Russu Vladimir Putin u llum huma saru pedina importanti fl-offensiva fuq Bakhmut. Magħhom f’din l-offensiva hemm anki r-riġmenti tal-paratruppi u elementi oħrajn tal-Armata regolari tar-Russja.

Jidher ukoll li għaddejjin il-battibekki kbar bejn il-grupp Wagner u l-awtoritajiet f’Moska, bi Prigozhin isostni li l-merċenarji mhumiex jingħataw il-munizzjon li jeħtieġu għall-battalji fit-tul kontra l-Ukreni f’Bakhmut. Fil-fatt, Prigozhin qed jgħid li dan in-nuqqas kapaċi hu dovut għal ‘burokrazija jew attentat ta’ tradiment min-naħa tal-Gvern Russu’.