Ir-relazzjonijiet bejn il-grupp Wagner u Moska qed ikunu karatterizzati b’tensjoni kbira u anki sens ta’ ostilità — bil-merċenarji tal-grupp u l-Armata regolari ta’ Vladimir Putin qed joħorġu dejjem aktar bħala rivali ta’ xulxin minkejja li qed jiġġieldu fuq l-istess naħa f’din il-gwerra….Sitwazzjoni li minnha jistgħu jibbenefikaw l-Ukreni li qegħdin jiddefendu arthom kontra l-Magna tal-Gwerra tar-Russja.
Il-grupp Wagner, bħalissa, għandu l-għexieren tal-eluf tas-suldati fl-Ukrajna u dawn qed ikunu reinfurzati bil-mijiet tal-eks priġunieri reklutati mill-ħabsijiet tar-Russja u li llum saru parti ewlenija tal-invażjoni ta’ Moska.
Fil-fatt, ir-rapporti minn xi sorsi qalu li dawn l-eks-priġunieri qed spiċċaw kontinwament bħala vittmi tal-gwerra għaliex qegħdin jintużaw bħala l-avangwardja tal-offensivi tar-Russi fuq Bakhmut.
Sadanittant, hemm anki sinjali li r-Russi huma aktar ħsiebhom f’li jeqirdu kull ħjiel ta’ ħajja fil-belt Ukrena ta’ Bakhmut milli jsalvaw lill-ftit eluf li baqgħu jgħixu hemmhekk. U fil-jiem li jmiss, mhux eskluż li l-qawwiet ta’ Putin ikomplu bis-sensiela ta’ reati tal-gwerra fl-inħawi.
Fi żviluppi oħra relatati mal-gwerra, l-uffiċjali militari tal-Ukrajna qalu li l-Kapijiet tal-155 Brigata tal-Armata Russa li qed jiġġieldu viċin ta’ Vuhledar ( lejn in-nofsinar ta’ Bakhmut) kienu qed jisfidaw l-ordnijiet ‘minn fuq’ biex jattakkaw il-pożizzjonijiet tal-Ukreni wara li l-Brigata tilfet ammont straordinarju ta’ suldati.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li l-qawwiet tiegħu, fl-aħħar sigħat, kienu laqtu ċentru tal-kmand ewlieni tar-Riġment Ukren ta’ Azov fir-reġjun ta’ Zaporizihzhia, lejn il-lbiċ tal-Ukrajna.
//= $special ?>