Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: Proposta għal kumpens b’konnessjoni mal-abbużi tat-Tieni Gwerra

Il-Gvern tal-Korea t’Isfel ħa d-deċiżjoni kontroversjali biex iħallas kumpens liċ-ċittadini tiegħu stess li kienu sfurzati biex jaħdmu fil-fabbriki tal-Ġappun – dak iż-żmien alleat tal-Ġermanja Nażista – matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-proposta minn Seoul hi intiża biex tirrisolvi issue kolonjali li ilha xxekkel ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet f’Tokjo – bl-uffiċjali fil-Ġappun u l-Korea t’Isfel ifissru l-istess proposta bħala żblokk importanti għall-kwistjoni.

Madankollu, il-vittmi u l-avversarji tal-pjan fil-Korea t’Isfel ikkritikaw il-ftehim fost l-insistenza li ‘dan ma jżommx lill-Ġappun kontabbli’ għal reati li saru kontra l-popli maħkuma mill-eks Armata Imperjali Ġappuniża.

Madwar 150,000 Koreani kienu sfurzati biex jaħdmu fil-fabbriki u qalb il-minjieri fil-Ġappun waqt it-Tieni Gwerra, Dan kien seħħ b’riżultat tal-kolonjalizzazzjoni tal-penisola mill-Ġappuniżi bejn l-1910 u l-1945.