Iċ-ċentru tat-testijiet tas-sewqan għadu mingħajr direttur. Bil-Gvern għadu sa issa ma għamel xejn biex it-testijiet jibqgħu għaddejin b’mod regolari wara li kriżi li sab ruħu fiha dan iċ-ċentru, tant li t-testijiet tal-karozza waqgħu lura b’diversi ġimgħat.
L-Assoċjazzjoni tal-Instructors tal-Karozzi (MDIA) fakkret kif bħalissa d-Direttur taċ-ċentru għaddej bi proċeduri fil-Qorti minħabba abbuż ta’ poter, u li ffavorixxa ċertu kandidati partikolari li kienu “indikati” mill-Ministeri jew minn Kastilja.
“Il-pożizzjoni ta’ dan id-direttur inżammet vakanti sakemm il-każ jingħalaq”, allegat l-assoċjazzjoni f’komunikat mibgħut lill-media. “Dan qed ikun ta’ detriment għall-instructors u l-persuni kollha li japplikaw għal-liċenzja tas-sewqan.
Il-każ jinvolvi lil Clint Mansueto ta’ 40 sena, direttur ta’ Transport Malta, u l-uffiċjali Raul Antonio Pace ta’ 35 u Philip Edrick Zammit ta’ 23 sena. Huma ċaħdu l-akkużi ta’ korruzzjoni meta bdiet tinstema’ l-kawża kontrihom, b’Manseuto iġorr l-aktar il-piż minħabba l-kariga li għandu.
Mill-indikazzjonijiet li ħarġu sa issa fil-Qorti jidher li fost l-applikanti li ġew aġevolati għal-liċenzja kien hemm persuni li kienu qed jaħdmu f’villa ta’ Ministru, li sa issa ħadd ma jaf min hu. Għalkemm skont dak li ħareġ jidher li dawn il-privileġġi kienu qed jingħataw minn għadd ta’ Ministeri – u mhux wieħed.
Sa issa ħadd mill-Ministri tal-Gvern ma ġarr ir-responsabbiltà politika għal dak li kien għaddej fi Transport Malta fl-aħħar snin.
//= $special ?>